Lokali

Daqqa ta’ ħarta għall-Malta Further and Higher Education Authority – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela tellef opportunità oħra biex l-istandards tal-edukazzjoni f’pajjiżna jitjiebu.

Fi stqarrija indirizzata mix-Shadow Minister Justin Schembri saħaq li l-Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA) naqset milli tiżgura postha fuq ir-reġistru tal-EQAR (European Quality Assurance Register for Higher Education) hekk kif l-applikazzjoni ta’ Malta ġiet miċħuda.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota li għal sena oħra l-budget tal-Awtorità reġa’ ma żdiedx u l-MFHEA qed titħalla tfendi għal rasha dwar kif se taħdem u twettaq il-bidliet neċessarji u mistennija skont kif rikjesti mir-rapport tal-audit tal-European Association for Quality Assurance in Higher Education (ENQA) li sar fl-2023.

Ir-reġistru tal-EQAR jinkludi fih programmi u istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Ogħla li jkunu konformi mal-istandards Ewropej tal-European Higher Education Area.

Il-Gvern Laburista injora għal kollox din l-aħbar u kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li jsemmiha fil-Parlament.

Id-deċiżjoni tal-EQAR kienet ibbażata fuq rapport ta’ awditjar li sar mill-ENQA f’Ottubru tal-2023 u li jinsab ippubblikat fuq is-sit tagħha hawn

Ta’ min jgħid li fuq ir-reġistru tal-EQAR hemm aġenziji ta’ akkreditar li huma rikonoxxuti għall-fama tagħhom kemm fuq livell Ewropew u kemm fuq livell internazzjonali.

Din hija daqqa ta’ ħarta għall-istituzzjonijiet privati li jipprovdu l-edukazzjoni ogħla f’Malta għaliex dan ifisser li l-prattiċi ta’ assessjar u akkreditazzjoni mħaddma mill-MFHEA għadhom mhux ta’ livell għoli b’mod li jissodisfaw dawk Ewropej u mhumiex konformi mal-European Standard Guidelines.

Aħbar bħal din jista’ jkollha riperkussjonijiet għall-investiment li qed jagħmlu istituzzjonijiet privati fuq il-kredibbiltà tagħhom fil-livell Ewropew u internazzjonali. Dan jimpatta wkoll il-kredibbiltà ta’ Malta fis-sistema tal-Edukazzjoni Ogħla meta ħafna istituzzjonijiet edukattivi investew bis-sħiħ biex ikunu tal-livell kif mistenni mill-istandards Ewropej.

L-istrateġija għall-edukazzjoni ppubblikata mill-Gvern f’Lulju li għadda ma kien fiha l-ebda referenza dwar is-sħubija fl-ENQA u mkien ma tindika li qed isiru xi sforzi biex l-awtorità tkun konformi mal-istandards Ewropej.

Il-Gvern jeħtieġ juri aktar impenn biex b’riżorsi adekwati, b’investiment finanzjarju ikbar, bi pjan strateġiku u b’rieda politika l-Awtorità tkun tista’ tasal għal dan l-għan li jgħolli sew il-kredibbiltà u l-valur tal-Edukazzjoni Ogħla f’Malta.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jikkonsulta mal-istituzzjonijiet edukattivi u l-amministraturi tagħhom fil-qasam tal-Edukazzjoni Ogħla sabiex jifhem aktar id-diffikultajiet u l-isfidi li qed isib quddiemu dan is-settur.

L-edukazzjoni hija l-bażi ta’ kull soċjetà li trid timxi ’l quddiem, u l-Partit Nazzjonalista  jirrikonoxxi  u jirringrazzja l-ħidma bla waqfien tal-ħaddiema kollha tal-Awtorità f’ċirkostanzi diffiċli  fejn ir-riżorsi huma limitati għalkollox u mhux mogħtija prijorità mill-Gvern.