Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipprova jagħmel tiegħu abbozz ta’ liġi li l-Partit Nazzjonalista ressaq fil-Parlament xhur ilu biex jidħol fis-seħħ il-kunċett ta’ ‘opt-out’ fid-donazzjoni tal-organi.
Il-Private Member’s Bill f’dan ir-rigward tressqet fi Frar li għadda mix-Shadow Minister Ivan Bartolo.
Issa, il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela qed jgħid li se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni biex tkun emendata l-liġi tad-donazzjoni tal-organi. Iżda l-proċess kif abbozzat mill-Partit Nazzjonalista diġà jeżisti f’pajjiżi Ewropej oħrajn, fejn jaħdem b’suċċess għax jgħin wara l-mewt ta’ persuna li ma tkunx irreġistrata bħala donatur tal-organi.
F’Malta, bħalissa, hawn madwar 90 pazjent jistennew kilwa, 15 jistennew fwied u sitta jistennew qalb. Hawn ukoll madwar 50 pazjent jistennew cornea.
Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista għandha l-għan li tbiddel il-qafas attwali, billi tassumi li individwi li għandhom aktar minn 16-il sena jagħtu l-kunsens tagħhom għad-donazzjoni tal-organi b’mod awtomatiku sakemm ma jagħżlux mod ieħor. Id-deċiżjoni tibqa’ f’idejn il-familja jekk iċ-ċittadin ma jkunx esprima l-opinjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista tenna kemm-il darba li hu l-obbligu tal-Gvern li jmexxi ’l quddiem abbozzi bħal dan tal-‘Opt-out’ u oħrajn ibbażati fuq il-ġid komuni, li jgħaqqdu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
//= $special ?>