“Il-Gvern qed jimmanipula l-imħuħ tal-pubbliku inġenerali b’informazzjoni li mhix veritiera u li ma tappertjenix għad-diskussjonijiet li konna qed nagħmlu”.
Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-President tal-MUT Marco Bonnici, fid-dawl ta’ dak li ġie ddikjarat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Joyce Cassar, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Il-Gvern iddeċieda li jippubblika dawk li – skont hu – huma t-talbiet li għamlu l-MUT għal-letturi.
Iżda f’kummenti li ta lil Net News il-President tal-MUT ħareġ li l-Gvern qabad talbiet li saru mill-MUT għall-gradi oħra ta’ ħaddiema fl-MCAST, u mhux għal letturi u għaldaqstant qed jimmanipula lill-pubbliku.
Fost dawn it-talbiet li l-Gvern qal li huma tal-għalliema, iżda mhumiex huma; żieda ta’ 10 ijiem leave, u 16-il siegħa ta’ ħidma mid-dar.
Marco Bonnici spjega li “li mhux qed jisepjga l-Gvern u li forsi mhux qed jifhem min qed jagħmel in-negozjati huwa li dan mhux ftehim li jirrigwardja lil-letturi biss imma huwa ftehim li jirrigwardja gradi oħra, u fejn hemm gradi oħra aħna għamilna talbiet li huma differenti minn dawn tal-letturi. Jiġifieri li l-Gvern iħallat talbiet li mhux tal-letturi mal-letturi u jitfagħhom bħallikieku aħna qed nitolbu xi ħaġa ta’ barra minn hawn, hija irresponsabbli”.
Dan filwaqt li semma €400 żieda – li skont Marco Bonnici ma ssemmiet imkien.
Bil-President tal-MUT jgħid li: “dak li għażel li joħroġ il-Gvern illum huwa ‘l bogħod ħafna minn dak li qed jiġi nnegozjat waqt in-negozjati li kellna mal-Gvern. Fejn semma’ din tal-€400, li ma hemm l-ebda referenza għaliha fin-negozjati. Iżda l-Gvern qed jipprova jħammeġ lill-MUT”.
//= $special ?>