“Il-qtil ta’ Raymond Caruana, kien sforz il-klima ta’ impunità li kienet tirrenja 38 sena ilu”.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’attività li fakkret il-qtil brutali ta’ Raymond Caruana fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja, nhar il-5 ta’ Diċembru tal-1986.
Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jtenni, li huwa importanti li nfakkru f’avvenimenti bħal dawn, għaliex il-qtil ta’ Raymond Caruana huwa eżempju ċar ta’ impunità.
B’Bernard Grech jispjega li 38 sena wara ma nbidel xejn, għaliex illum ukoll l-istituzzjonijiet għadhom maħtufa minn Gvern Laburista, bir-riżultat li għadha ma saritx ġustizzja ma’ diversi fosthom anke l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Minn naħa tiegħu, Dione Borg, fakkar li dan il-qtil politiku kien wieħed pjanat li ħalla diversi riperkussjonijiet fuq dawk l-eqreb ta’ Raymond Caruana u anke fuq pajjiżna. Fejn fakkar ukoll, li f’dan il-każ għadha ma saritx ġustizzja għaliex l-istituzzjonijiet fallew – b’Borg itenni li huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ verament iħalli lill-istituzzjonijiet jaqdu dmirhom.
Intant, qabel din l-attività ngħatat tislima lil Raymond Caruana permezz ta’ quddiesa fil-Knisja tal-Gudja, fejn imbagħad ġew ppreżentati numru ta’ kuruni tal-fjuri fuq il-qabar tiegħu.
Għal din l-attività b’risq il-memorja ta’ Raymond Caruana kienu preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li kien akkumpanjat minn AnneMarie Grech, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-segretarju organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista Stefan Caruana flimkien ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>