Lokali

Imniedi l-kalendarju annwali tal-programm tar-radju ‘Marċi u Bandalori’

“Ejjew nibqgħu naħdmu sabiex inżommu l-Festi u l-Baned tagħna ħajjin.”

Hekk stqarr il-preżentatur tal-programm ‘Marċi u Bandalori’ Joe Chetcuti – li għal 20 sena konsekuttiva qiegħed jer’ġa jippubblika l-Kalendarju Annwali.

Chetcuti saħaq li hu jinsab sodisfatt immens li l-istħarriġ tall-Awtorità tax-Xandir sab li l-programm ‘Marċi u Bandalori’ ġie ddikjarat bħala l-aktar programm popolari fil-Gżejjer Maltin fost il-programmi kollha dwar il-festi fuq l-istazzjonijiet tar-radjijiet lokali.

Hu saħaq ma’ Net News li dan il-kalendarju ta’ din is-sena ddedikah lil mikbi Karl Gouder, persuna li dejjem emmnet fit-talent lokali u li dejjem imbuttat sabiex programmi bħal dawn jibqgħu isiru.

Għat-tnedija tal-Kalendarju Annwali kien hemm preżenti wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mal-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascone u numru ta’ deputati Parlamentari u uffiċjali tal-Partit.

Dan apparti numru sabiħ ta’ rappreżentanti minn bosta Każini tal-Baned.

Min naħa tiegħu Benrard Grech sostna li dan hu programm li jagħti spazju lit-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna u saħaq fuq l-importanza li nibqgħu nappoġġjaw il-Baned u l-Festi Maltin f’kull belt u raħal.

Din l-attività ġiet ippreżentata minn Pauline Marie Chetcuti.