L-Erbgħa filgħaxija sar l-aċċess minn ġuri fejn raġel qed jiġi mixli li tefa’ briks lejn missier ġar tiegħu minn fuq sellum. Il-ġuri li beda nhar it-Tlieta huwa marbut ma’ każ ta’ attentat ta’ qtil. Paul Borg, ta’ 68 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, hu l-akkużat f’ġuri li daħal fit-tieni jum tiegħu. Huwa jinsab akkużat li fl-2020 ipprova joqtol lil Mario Grech u li kkaġunalu feriti gravi f’inċident separat sena qabel.
Il-każ imur lura għat-12 ta’ Settembru 2020 meta għall-ħabta tal-10:30am f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ, il-vittma kien bilqiegħda fil-bitħa tar-residenza ta’ ibnu jagħmel xi xogħlijiet fuq is-sellum fuq ħajt li jifred il-proprjetà minn dik tal-akkużat. Borg allegatament tela’ fuq il-bejt li jagħti fil-bitħa fejn kien jaħdem Grech u tefa’ żewġ briksiet fid-direzzjoni tiegħu.
Borg qed jiffaċċja akkużi ta’ ħsara intenzjonata lil proprjetà ta’ terzi kif ukoll li attakka u rreżista uffiċjal tal-pulizija. Borg qed jiċħad l-akkużi kollha. Qed ikun allegat li l-akkużat tefa’ żewġ madum tal-briks lejn Grech wara li lemħu jaħdem fi proprjetà ta’ ġar tiegħu li jiġi iben Grech. Fil-Qorti l-ġurati ntwerew filmat tal-akkużat iwaddab il-briks u laned taż-żejt fuq il-vittma u ibnu.
Il-ġurati, l-avukati tal-partijiet u l-akkużat ittieħdu fir-residenza fejn seħħ l-inċident fejn hemm spezzjonaw u ngħataw nformazzjoni dwar l-allegat reat. Saru wkoll xi mistqosijiet fil-preżenza tal-Imħallef Consuleo Scerri Herrera li qed tisma’ l-ġuri, li wara li jiddeponu numru ta’ xhieda oħra mistenni jiġi konkluż, għalkemm l-ewwel irid isir l-indirizz tal-Imħallef u s-sottomissjonijiet minn naħa tal-partijiet.
Kollox jindika li l-ġuri jiġi konkluż il-ġimgħa d-dieħla. L-Erbgħa filgħodu xhed iben il-vittma li spjega minn xhiex għadda missieru u dwar meta Paul Borg, martu u ibnu sgassaw il-bieb, daħlu fir-residenza u sawtu lill-missieru.
Fl-awla, il-ġurati raw sett ta’ ritratti fosthom linvell imċappas bid-demm u l-fallakka li Mario Grech fetaħ rasu magħha meta l-aggressuri waqqawh mal-art u tawh xebgħa. Iben l-allegat vittma spjega wkoll x-xena tal-inċident u li pproduċa filmati ta’ dak li seħħ u għaddihom lill-Pulizija.
B’kollox, Borg qed jiffaċċja ħames akkużi, fosthom ta’ attentat ta’ qtil ta’ Grech kif ukoll li attakka u rreżista ordnijiet minn uffiċjali tal-pulizija. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Ramon Bonett Sladden u Abigail Caruana Vella f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Paul Borg, l-akkużat qed jidhru l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher parte civile.
//= $special ?>