Nhar l-Erbgha 11 ta’ Dicembru għall-ħabta tas-18:00, se titnieda kanzunetta ġdida tal-Milied bl-isem ta’ ‘Maxtura Mnikkta’ fuq inizjattiva tal-kantant Kurt Anthony, b’kompożizzjoni tal-Mro. Mark Spiteri Lucas mill-pinna ta’ Emil Calleja Bayliss.
Beda x-xogħol fuq dan il-proġett mużikali s-sena l-oħra fejn ‘il fuq minn 25 artist lokali ġie msejjaħ biex din il-kanzunetta tibda tieħu l-ħajja.
Ser inkunu qed naraw ħafna fost l-aqwa talent lokali fosthom Claudia Faniello, ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika Maxine Pace; Kurt Anthony; Ryan Hili; Kaya Gouder Curmi; ir-rebbieħ tal-aħħar edizzjoni ta’ X Factor Malta Richard Aquilina; il-grupp femminili QALB; Michela Galea; Christian Arding; Janice Mangion; Gail Attard; Nathan Psaila; Shanice Micallef; il-kor ‘La Voix Harmonies’; Lisa Gauci u veterani bħal Goergina Abela u Paul Giordmaina fost ħafna oħrajn. Dawn l-artisti kollha ser ikunu qed jingħaqdu flimkien għall-kanzunetta ġdida b’messaġġ mill-isbaħ li żgur se tqanqal emozzjoni kbira.
Tul din il-ġimgħa kien għaddej il-ġbid tal-filmat mużikali fil-Belt Valletta f’diversi lokalitajiet u anki knejjes. Il-kanzunetta ‘Maxtura Mnikkta’ hija mnebbħa minn sitwazzjonijiet soċjorealistiċi li ġieli jistgħu jnessu dak li hu tassew il-Milied.
//= $special ?>