Lokali

“Viva San Nikola” – Tfal fis-Siġġiewi jiċċelebraw il-festa liturġika ta’ San Nikola

Daqq, brijju, ċelebrazzjoni u ferħ.

Kien dan li ddomina t-toroq tas-Siġġiewi l-Ġimgħa filgħodu, fejn bosta tfal mill-Iskola Primarja tas-Siġġiewi rħewla lejn it-toroq tas-Siġġiewi f’purċissjoni b’vara żgħira ta’ San Nikola.

Is-6 ta’ Diċembru jimmarka l-festa liturġika ta’ San Nikola, il-qaddis patrun tas-Siġġiewi. B’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jingħataw bidu bil-festa tat-tfal.

Id-dedikazzjoni ta’ dawn it-tfal lejn il-patrun tas-Siġġiewi jibda minn ċkunithom, b’diversi parteċipanti jilbsu diversi kostumi tal-epoka ta’ San Nikola.

Net News tkellem ma’ wħud minn dawn iċ-ċkejknin li stqarrew magħna l-entużjażmu li jġibu magħhom attivitajiet bħal dawn.

Il-festa tat-tfal kienet akkumpanjata miż-żewg baned tar-raħal, Banda San Nikola u Siggiewi Festival Brass Band . Il-purċissjoni tkun organizzata mill-Iskola Primarja tas-Siġġiewi bl-għajnuna tal-parroċċa San Nikola u Kunsill Lokali.

NetNews tkellem ukoll is-Sindku tal-lokalità Julian Borg fejn stqarr li attività bħal din tgħaqqad il-komunità.

San Nikola huwa sinonimu mal-festa tal-Milied, hekk kif f’numru ta’ pajjiżi internazzjonali San Niklaws huwa l-patrun tal-Milied.

Kien għalhekk li ċ-ċkejknin spjegaw li din hi attività reliġjuża imma wkoll kulturali li tkompli tgħaqqad ir rabta bejn is-Siġġewi u Bari, u d devozzjoni lejn San Nikola.