Mara li sofriet minn vjolenza domestika mis-sieħeb tagħha li spiċċa tressaq il-Qorti wara li ġiet aggredita, esprimiet ix-xewqa quddiem il-Maġistrat li l-maħbub tagħha jirritorna d-dar fejn qalet li lesta li tipprova tgħinu jindirizza l-problema tax-xorb. Il-ħati ngħata sentenza sospiża.
Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-mara, tressaq il-Qorti mixli li fil-25 ta’ April li għadda, f’Tas-Sliema, beżża’ lis-sieħba tiegħu, weġġagħha ħafif, heddidha u li saq taħt l-effett tax-xorb. Ħareġ li fis-26 ta’ Ġunju li għadda huwa kien ordnat isegwi trattament għal sentejn wara li ammetta l-akkużi kif ukoll li jixtieq jindirizza r-rabja li għandu.
Minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appella fejn talab piena aktar ħarxa minn ordni ta’ trattament. L-Imħallef Edwina Grima laqgħet l-appell fejn qalet li għalkemm ikkunsidrat it-talba li għamlitilha s-sieħba tiegħu riedet tikkunsidra wkoll li r-raġel għandu kondotta mhux nadifa fejn kien instab ħati ta’ pussess ta’ droga, serq aggravat, vjolenza, theddid u reati tat-traffiku.
Kien għalhekk li waqt li kkonfermat il-ħtija, ikkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, ordnatlu jsegwi trattament għall-vizzju tax-xorb, immultatu €1,800, skwalifikatlu l-liċenzja għal sitt xhur u naqqsitlu ħames punti mil-liċenzja tas-sewqan.
//= $special ?>