Waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK il-Ministru Miriam Dalli kkonfermat dak li żvela l-Partit Nazzjonalista dwar l-irtirar ta’ miljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej biex iktar minn 100 karozza tal-linja jinbidlu minn vetturi li jaħdmu bid-diesel għal veturi elettriċi.
Dwar dan, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus sostna li dawn il-flus ma jiddeċidix x’jagħmel il-Gvern bihom kif ifettilu, hekk kif huma flus mogħtija mill-Unjoni Ewropea speċifikament fuq l-electric busses.
Il-Ministru Dalli kompletament naqset milli twieġeb dwar l-iżvilupp kontroversjali ta’ Villa Rosa, madanakollu saħqet li ma nistgħux nibqgħu nibnu blokka wara blokka ta’ appartamenti.
Dwar il-problema tal-qtugħ fil-provista tal-elettriku, il-Ministru Dalli baqgħet tweħħel fis-sħana estrema. Dan filwaqt li qalet li kull dar ikollha l-problemi għalhekk l-importanti hu li r-residenti ma għamlux sigħat twal bla dawl .
U waqt li kompliet bir-retorika tal-investiment kontinwu li qed isir fis-settur tal-enerġija biex ma jkunx hemm sigħat twal bla elettriku, fl-ebda ħin ma tat garanzija li mhux ħa jkun hemm qtugħ ta’ dawl fis-sajf li jmiss.
//= $special ?>
