Il-Forum Unions Maltin esprima t-tħassib serju u l-kundanna tiegħu għall-aħħar azzjonijiet mill-Gvern li għażel jattakka pubblikament in-negozjati tal-MUT, fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-ftehim kollettiv tal-MCAST.
Fi stqarrija, il-Forum Unions Maltin qalu li l-azzjoni tirrappreżenta tentattiv sfaċċat biex timmina n-negozjati bona fide u kif din hija tattika ċara ta’ tidwir inġust, bl-għan li ddgħajjef l-isforzi legittimi tal-unions biex tiżgura ftehim ġust għall-membri tagħha.
Intant, il-Forum Unions Maltin kompliet tgħid kif l-MUT, bħala membru tal-Forum Unions Maltin, ilha taħdem b’mod diliġenti u kostruttiv fil-proċess tan-negozjati, u tippromwovi kundizzjonijiet aħjar fl-MCAST.
Madankollu, huma jirrimarkaw kif l-azzjoni industrijali li qed tieħu bħalissa l-MUT hija miżura legalment sanzjonata u protetta kostituzzjonalment, li tirrifletti l-frustrazzjoni tal-unions bin-nuqqas ta’ rieda tal-gvern li jindirizza tħassib ewlieni.
il-Forum Unions Maltin saħaq li din id-deċiżjoni tal-gvern li jsemmi b’mod selettiv proposti b’mod konfuż u barra mill-kuntest mhix biss irresponsabbli, iżda wkoll timmina l-prinċipju tar-rispett reċiproku li jrid jirfed kwalunkwe proċess ta’ negozjar kollettiv.
Barra minn hekk, il-Forum Unions Maltin qalu li tali azzjonijiet mill-gvern hu ta’ tħassib kbir għal diversi raġunijiet:
- Erożjoni tal-Fiduċja fil-Proċess ta’ Negozjar: In-negozjar kollettiv jiddependi fuq il-fiduċja u l-kunfidenzjalità biex jiġu ffaċilitati djalogu u kompromess sinifikanti. Il-gvern ikkomprometta serjament din il-fiduċja, u għamilha aktar diffiċli biex jintlaħaq ftehim bilanċjat u amikevoli.
- Manipulazzjoni Pubblika: Ir-rilaxx selettiv ta’ informazzjoni u miżinformazzjoni jirriskja li jirrappreżenta ħażin il-proposti u l-intenzjonijiet tal-MUT, idawwar l-opinjoni pubblika kontra l-edukaturi u jiddevja l-attenzjoni min-nuqqas ta’ rieda tal-gvern li jindirizza kwistjonijiet leġittimi.
- Nuqqas ta’ rispett lejn id-Drittijiet tal-Ħaddiema: Dawn it-tattiċi juru nuqqas ta’ rispett lejn id-drittijiet kollettivi tal-edukaturi, gradi affettwati mill-ftehim u l-membri kollha tat-trade unions, li jistabbilixxu preċedent perikoluż għar-relazzjonijiet industrijali f’Malta.
Il-Forum Unions Maltin jappella lill-gvern biex iwaqqaf minnufih dawn il-prattiċi diviżivi u jirritorna fuq il-mejda tan-negozjati fi spirtu ta’ kollaborazzjoni ġenwina.
Mhux hekk biss, il-Forum Unions Maltin ifakkar lill-gvern li n-negozjar kollettiv huwa pedament tad-demokrazija u l-ġustizzja soċjali, protett kemm mill-istandards tax-xogħol lokali kif ukoll internazzjonali.
Huma qalu ukoll li dawn huma tentattivi biex tiġi mminata l-unions permezz ta’ żvelar pubbliku u ħsara ta’ manipulazzjoni mhux biss lill-ħaddiema involuti direttament, iżda wkoll lir-reputazzjoni ta’ Malta bħala nazzjon li jħares id-drittijiet fundamentali u jirrispetta l-impenji tagħha skont konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol.
Il-Forum Unions Maltin iħeġġeġ ukoll lill-pubbliku biex jikkunsidra l-kuntest ta’ din is-sitwazzjoni u jisħaq kif l-impjegati rappreżentati mill-MUT huma kontributuri ewlenin għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet ġejjieni ta’ Malta.
Huma jistħoqqilhom rispett, rikonoxximent, u kundizzjonijiet ta’ xogħol ġust u mhux vilifikazzjoni pubblika jew tentattivi biex jiddeleġitizzaw it-talbiet tagħhom.
Il-Forum Unions Maltin afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall-MUT u l-membri tagħha matul dan iż-żmien kritiku u jerġa’ jtenni kif il-gvern għandu jimpenja ruħu għal djalogu rispettuż u jabbanduna tattiċi li jnaqqru l-fiduċja u jheddu l-integrità tar-relazzjonijiet industrijali f’Malta.
//= $special ?>

