Il-Malta Girl Guides u l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts ta’ Malta qegħdin iħejju biex jospitaw
avveniment internazzjonali li se jlaqqa’ flimkien voluntiera minn madwar il-movimenti Ewropej
tal-Iscouting u l-Guiding.
L-International Commissioners Forum 2024, koorganizzat mil-World Association of Girl Guides and Girl Scouts (WAGGGS) u l-World Organisation of the Scout Movement (WOSM), bdiet nhar il-Ħamis 5 ta’ Diċembru sa għada l-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2024, fil-lukanda AX ODYCY, fil-Qawra, u se joffri erbat ijiem ta’ kollaborazzjoni u diskussjonijiet strateġiċi dwar il-futur ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet. Dan l-avveniment qed ikun appoġġjat minn VisitMalta Incentives and Meetings.
Il-Forum li se jlaqqa’ 154 parteċipanti internazzjonali mill-Ewropa kollha, ser joffri opportunità għal dawn il-voluntiera tal-guiding u l-iscouts sabiex bejniethom joħolqu network, jaqsmu l-għarfien u jiżviluppaw strateġiji li se jsawru l-involviment taż-żgħażagħ u l-iżvilupp tat-tmexxija madwar il-kontinent.
Aktar minn 30 voluntier lokali qed jippreparaw b’mod attiv biex jiżguraw avveniment bla xkiel u ta’ suċċess, filwaqt li jenfasizzaw l-impenn ta’ Malta li tospita din il-laqgħa internazzjonali. Bħala parti mill-programm, il-parteċipanti se jkollhom serata internazzjonali u se jżuru wkoll l-Imdina u l-Bażilika tal-Mosta bħala parti minn serata kulturali.
Il-World Association of Girl Guides and Girl Scouts (WAGGGS) u l-World Organisation of the Scout Movement (WOSM) jirrappreżentaw l-akbar movimenti taż-żgħażagħ fid-dinja, bil-WAGGGS jgħaqqad 10 miljun tifla u mara żagħżugħa minn madwar 150 pajjiż, u WOSM jirrappreżenta aktar minn 50 miljun membru madwar id-dinja. Flimkien, huma ddedikati biex jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex isiru ċittadini u mexxejja attivi fil-komunitajiet tagħhom.







