Edukazzjoni Lokali

L-MUT tiddikjara tilwima industrijali oħra

Il-Gvern qed jagħżel il-konfrontazzjoni minflokk id-djalogu soċjali

MUT ddikjarat tilwima industrijali oħra mal-Gvern, hekk kif issa li Robert Abela abbaduna n-negozjati mal-MCAST spiċċa staġna wkoll lill-letturi u l-istudenti tal-ITS.

Dan ħabbritu l-Union tal-Għaliema l-MUT, fi stqarrija fejn spjegat li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern ta’ Abela meta għalaq il-bibien għan-negozjati tal-MCAST, spiċċat ukoll ħalliet impatt negattv mhux biss fuq l-MCAST imma anke fuq l-ITS, l-Istitut tal-Istudju tat-Turiżmu.

L-MUT spjegat li n-negozjati tal-MCAST u tal-ITS jimxu b’mod parallel, u għalhekk id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Abela se tkun qed taffettwa l-istudji tal-istudenti tal-ITS, bl-istess mod.

ITS ukoll ilha 3 snin bi ftehim kollettiv skadut u n-negozjati ilhom għaddejien daqskemm ilhom għaddejjin dawk tal-MCAST. Il-Gvern qed jagħżel il-konfrontazzjoni minflok id-djalogu soċjali, kompliet tgħid l-MUT.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-membri tal-ITS qed iħossuhom abbandunati u dan bir-raġun, kompliet tgħid l-MUT fl-istqarrija, hekk kif issa iktar minn qatt qabel mhux qed jaraw kif il-ftehim kollettiv ġdid tagħhom se jkun finalizzat fil-futur qarib.