Manchester City kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Crystal Palace biex b’hekk ikompli l-istaġun negattiv ta’ Pep Guardiola hekk kif minkejja li f’nofs il-ġimgħa rebħu kontra Nottingham Forest, dan il-weekend naqsu milli jagħmlu dan.
Daniel Munoz poġġa lill-Palace fil-vantaġġ wara erba’ minuti, b’Erling Haaland iġib l-iskor indaqs man-nofsiegħa logħob. Crystal Palace għal darb’oħra fil-vantaġġ fis-56 minuta permezz ta’ Maxence Lacroix. City iżda għamluhom 2-2 fit-68 minuta permezz ta’ Rico Lewis, bl-istess plejer ironikament jitkeċċa fl-84 minuta.
Intant Manchester United sofrew it-tieni telfa konsekuttiva taħt it-tmexxija tal-kowċ Ruben Amorim meta kienu megħluba f’darhom 3-2 minn Nottingham Forest. Nikola Milenkovic poġġa lil Forest fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti. Rasmus Hojlund għamilhom 1-1. Żewġ gowls ta’ Morgan Gibbs-White u Chris Wood fit-tieni taqsima għamlu l-iskor 3-1 għal Forest. Bruno Fernandes għamilhom 3-2 fil-61 minuta.
Rebħa mportanti għal Aston Villa bl-iskor ta’ 1-0 fuq Southampton. Il-gowl deċiżiv wasal fl-24 minuta permezz ta’ Jhon Duran.
Brentford għelbu lil Newcastle 4-2 f’partita mimlija gowls. Bryan Mbeumo poġġa lill-Bees fil-vantaġġ wara tmien minuti. Alexander Isak għamilhom 1-1 fil-11-il minuta. Yoanne Wissa reġa poġġa lil Brentford 2-1 fil-vantaġġ iżda ftit minuti wara kien Harvey Barnes li għamel l-iskor 2-2. Fit-tieni taqsima, Brentford għalqu l-partita permezz ta’ żewġ gowls ta’ Nathan Collins u Kevin Schade.
Intant il-partita bejn Liverpool u Everton kienet posposta minħabba l-maltempata Darragh.
//= $special ?>