Tnediet il-wirja bl-isem ‘Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena, 1974-2024’, fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li tfakkar il-ħames deċennji tal-vjaġġ tan-nazzjon bħala Repubblika. Il-wirja se tibqa’ għaddejja sa Marzu li ġej.
Ospitata fl-Uċċelliera tal-Palazz – li qabel kienet l-ispazju fejn il-gran mastri żammew għasafar eżotiċi għad-divertiment tagħhom u llum b’mod xieraq hija sala ddedikata lir-Repubblika ta’ Malta – il-wirja fiha kollezzjoni rikka ta’ dokumenti, artifatti, u wirjiet multimedjali li jesploraw it-tħabit ta’ Malta għall-awtodeterminazzjoni b’evoluzzjoni minn poplu mmexxi minn potenzi barranin għal poplu b’rajh f’idejh, u l-kisbiet ta’ Malta bħala stat sovran.
Din il-wirja mumentuża ġiet inawgurata waqt ċerimonja uffiċjali, b’mistednin distinti fosthom mexxejja nazzjonali u rappreżentanti ta’ Heritage Malta. Il-wirja tenfasizza wkoll ir-rwol ċentrali tal-Presidenza fil-ħarsien tad-demokrazija u fit-trawwim tal-għaqda.
Fid-diskors tagħha, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fissret ir-Repubblika bħala “simbolu ta’ ġens u poplu li fih qed iġorr id-dehen li akkumulaw missirijietna tul sekli sħaħ”.
Waqt li qalet li din il-wirja tagħmel ġieħ lill-Maltin bħala ġens, il-President aċċennat l-importanza ta’ iktar edukazzjoni ċivika biex fit-tfal “jitnissel apprezzament qawwi ta’ xi tfisser li pajjiżek ikun Repubblika, li jkun ta’ niesek u li f’pajjiżek tagħżel int min imexxik u kif tmexxih ’il quddiem”.
Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, saħaq li: “Din ir-repubblika ċkejkna hija waħda bbażata fuq ix-xogħol, u x-xogħol isir min-nies. Dan l-anniversarju għandu jkun ċelebrazzjoni tal-Maltin, li matul dawn il-50 sena biddilna pajjiżna. Din il-wirja tagħti ġieħ lill-Maltin ta’ kull żmien li żammew tnemnem il-ħeġġa biex pajjiżna jkollu rajh f’idejh u li ħolmu l-pajjiż li għandna llum. Hija togħma ċkejkna tal-mod ieħor kif għandha tiġi rrakkuntata l-istorja tagħna, lil hinn mill-prinċpijiet u l-irġejjen”.
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, irrimarka: “Din il-wirja toffri ħarsa profonda lejn ir-reżiljenza u d-determinazzjoni tal-poplu Malti. Isservi bħala tfakkira tal-istorja u l-aspirazzjonijiet komuni tagħna filwaqt li tonora l-viżjoni u l-għaqda li jkomplu jsawru n-nazzjon tagħna. Aħna kburin li qed nippreżentaw din l-esperjenza immersiva li tgħaqqad liċ-ċittadini mal-għeruq tad-demokrazija tagħna u l-mumenti kruċjali li jiddefinixxu lil Malta llum.”
Ktieb komplementari, bilingwi u illustrat huwa disponibbli wkoll għax-xiri. Id-dħul għall-wirja, inkluż fl-esperjenza tal-Palazz tal-Gran Mastru, huwa kompletament aċċessibbli għal persuni bi sfidi ta’ mobbiltà.
//= $special ?>

