Ir-Renju Unit u diversi pajjiżi oħra ‘għadhom mhumiex lesti’ biex jilqgħu b’mod effettiv għall-impatt tal-elementi estremi dovuti għall-maltempati bħal ‘Darragh’ – il-maltempata li fi tmiem il-ġimgħa assedjat lir-Renju Unit b’irwiefen li l-pajjiż rari ġarrab bħalhom u li ħalla wkoll il-vittmi.
Emma Pinchbeck, li qed tmexxi lill-entità indipendenti li tikkonsulta mal-Gvern dwar il-bidliet fil-klima, qalet li r-Renju Unit għandu jibdel l-istrateġiji waqt li jħejji għax-xenarji eventwali ta’ għargħar intensiv u anki waqtiet ta’ sħana storika.
Mietu tal-anqas tlett irġiel b’konsegwenza tal-maltempata Darragh li laħqet l-ogħla livell nhar is-Sibt fir-Renju Unit u fejn eluf spiċċaw mingħajr dawl għal ħafna ħin.
Din kienet ir-raba’ maltempata kbira li laqtet lil dan il-pajjiż min-nofs Ottubru – u meta x-xjenzati qegħdin iwissu li r-rata tal-inċidenti u xenarji relatati mat-temp estrem għandhom jiżdiedu aktar mad-dinja ssir sħuna.
Min-naħa tagħha, Emma Pinchbeck qalet li l-komunitajiet fir-Renju Unit għandhom ‘immedjatament’ jadottaw il-miżuri li jilqgħu aħjar kontra l-maltempati tal-futur li mistennija jkollhom l-istess qawwa ta’ ‘Darragh’ jekk mhux aktar.
Hi kompliet li l-ilqugħ għall-għargħar futur għandhom jingħataw prijorità, waqt li sostniet li l-ibliet tar-Renju Unit mhumiex ‘lesti jew attrezzati’ għal-livelli tas-sħana straordinarja relatati mal-bidliet fil-klima.
F’dan ix-xenarju, ir-Renju Unit qed ikun imwissi wkoll biex jipprepara l-ekonomija u l-infrastruttura ‘fid-dawl taċ-ċirkustanzi meteoroloġiċi’. Dan meta, skont ir-risk assessment tal-Gvern Britanniku, l-impatt tal-bidliet fil-klima kapaċi jiswa l-biljuni ta’ Sterlina fis-sena lir-Renju Unit.
//= $special ?>