Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hemm taqbida ġdida; u bħal logħba musical chairs Robert Abela għandu uġigħ ta’ ras ġdida fuq min se jieħu s-siġġu parlamentari ta’ Randolph De Battista.
Dan hekk kif il-Mexxej Laburista wiegħed is-siġġu parlamentari kemm lill-eks uffiċjal fi ħdan l-uffiċċju tieghu Nigel Vella, kif ukoll lill-Kunsilliera Laburista f’Birkirkara Yana Borg Debono Grech.
Il-problemi bdew meta Edward Zammit Lewis ma rriżenjax mill-Parlament qabel ma mar għal grilling Ewropew – grilling li fih falla, għax bħalma kien ippjanat minn Robert Abela nnifsu, m’għaddhiex.
Għaldaqstant issa hemm biss siġġu parlamentari wieħed għal tnejn minn nies li kellhom il-pożizzjoni tagħhom imwiegħda mill-Prim Ministru.
Filwaqt li f’Jannar Randolph De Battista se jibda r-rwol fil-pożizzjoni ta’ Rappreżentat Permanenti għal Malta fin-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra, il-MaltaToday qed tirrapporta li issa l-Prim Ministru għandu dilemma; jew jindirizza l-vacuum li għandu fl-ewwel distrett permezz ta’ Nigel Vella… jew jara kif se jpaċi u jinġabar mal-familja u d-dinastija ta’ Debono Grech wara l-farsa li għamel fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara b’Kaylocke Buhagiar.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News u li huma qrib ħafna tat-tmexxija Laburista spjegaw li jaqta’ fejn jaqta’ Robert Abela ċertament li se joħroġ id-demm hekk kif se jispiċċa jdur mill-kelma tiegħu jew ma’ naħa jew oħra.
Għaldaqstant it-taqbid u t-taħwid intern li għandu fi ħdan il-Labour se jissokta minn hawn u xahar ieħor…sakemm Abela ma jisforzax idejh ma’ Membru Parlamentari minn tiegħu u jġiegħel lil xi ħaddieħor iwarrab.
//= $special ?>