€336,841 miġbura fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi.
Din kienet is-somma finali miġbura mill-Partit Nazzjonalista waqt il-maratona tal-Ħadd sabiex jissaħħaħ il-messaġġ li jitwassal għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin.
Matul il-maratona f’intervista li saret lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li l-għaqal huwa virtù tal-poplu Malti u Għawdxi, u hekk Gvern immexxi minni se jkun qiegħed jimxi, b’għaqal, bżulija u id f’id mal-familji.
Dan saħqu meta kien mistoqsi miż-żgħażagħ waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.
Bernard Grech saħaq li huwa importanti li l-pajjiż ikun mogħni bi pjan grazzi għall-għaqal tal-Gvern, għaqal li l-Prim Ministru Robert Abela u sħabu jidher li mhux qed jagħtu prijorità, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ambjent u emissjonijiet.
Huwa insista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħmel proprju dan.
Dan filwaqt li mistoqsi dwar il-proprjetà preżenti f’pajjiżna, Bernard Grech spjega li l-isfida qed tikber, bid-djar jiċkienu u l-prezzijiet jikbru.
Hu spjega li jekk ikollok xi ħadd li jixtieq jibni familja u jkollu f’moħħu li jakkwista dar imdaqqsa… din qed tkun problema, waħda li ċertament se jkun qed jindirizza Gvern ġdid Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li flus il-poplu għandhom jintefqu b’għaqal u kif suppost, mingħajr nepotiżmu, mingħajr ma jiġu aġevolati nies tal-qalba, mingħajr sparpaljar ta’ flus.
Dan filwaqt li saħaq li dan jista’ jitwettaq mill-Partit Nazzjonalista għaliex għandu tmexxija libera li mhux marbuta ma ebda wegħdi li għamel ma’ persuni terzi.
Finalment, Bernard Grech insista li l-familji Maltin u Għawdxin jeħtiġilhom serħan il-moħħ, investiment fl-infrastruttura, sptar denju, edukazzjoni serja, kundizzjonijiet tax-xogħol li verament jimmeritaw l-impjegati Maltin u Għawdxin.
Huwa saħaq li ċ-ċittadin Malti għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.
//= $special ?>