Lokali

“L-għaqal huwa virtù tal-poplu Malti u Għawdxi” – Bernard Grech

L-għaqal huwa virtù tal-poplu Malti u Għawdxi, u hekk Gvern immexxi minni se jkun qiegħed jimxi, b’għaqal, bżulija u id f’id mal-familji.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħaxija kien mistoqsi miż-żgħażagħ waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.

Bernard Grech saħaq li huwa importanti li l-pajjiż ikun mgħoni bi pjan grazzi għall-għaqal tal-Gvern, għaqal li l-Prim Ministru Robert Abela u sħabu jidher li mhux qed jgħatu prijorità, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ambjent u emmissjonijiet.

Huwa insista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħmel proprju dan.

Mistoqsi dwar il-proprjetà preżenti f’pajjiżna, Bernard Grech spjega li l-isfida qed tikber, bid-djar jiċkienu u l-prezzijiet jikbru.  

Hu spjega li jekk ikollok xi ħadd li jixtieq jibni familja u jkollu f’moħħu li jakkwista dar imdaqqsa… din qed tkun problema, waħda li ċertament se jkun qed jindirizza Gvern ġdid Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li flus il-poplu għandhom jintefqu b’għaqal u kif suppost, mingħajr nepotiżmu, mingħajr ma jiġu aġevolati nies tal-qalba, mingħajr sparpaljar ta’ flus.

Dan filwaqt li saħaq li dan jista’ jitwettaq mill-Partit Nazzjonalista għaliex għandu tmexxija libera li mhux marbuta ma ebda wegħdi li għamel ma’ persuni terzi.

Finalment Bernard Grech insista li l-familji Maltin u Għawdxin jeħtiġilhom serħan il-moħħ, investiment fl-infrastruttura, sptar denju, edukazzjoni serja, kundizzjonijiet tax-xogħol li verament jimmeritaw l-impjegati Maltin u Għawdxin.

Huwa saħaq li ċ-ċittadin Malti għandu jiġu l-ewwel u qabel kollox.

L-inizjattiva ġbir ta’ fondi qed tixxandar ukoll fuq ir-radju permezz ta’ xandira speċjali fuq NetFM, b’dawk kollha li jixtiequ jkunu parti minn din il-maratona jkunu mħeġġin jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, f’Tal-Pietà.