Madwar 43,000 suldat Ukreni nqatlu mindu l-militar tar-Russja invadielhom arthom fi Frar tal-2022. L-istqarrija dwar il-prezz fil-ħajja mitlufa wara l-invażjoni ħariġha l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky u meta din qed titqies bħala ammissjoni rari dwar il-vittmi Ukreni tal-konflitt.
Zelensky, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, qal li mat-370,000 oħra spiċċaw midruba u li r-Russja, waqt il-gwerra, tilfet viċin il-200,000 suldat, bi kważi 600,000 oħra jisfaw midruba.
L-Ukrajna u r-Russja kemm-il darba jżommu lura milli jippubblikaw l-istatistika tal-vittmi u anki, ġieli, jimminimizzaw il-veru impatt tal-konflitt.
Rapport riċenti, sadanittant, ikkwota lis-sorsi qrib is-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti fis-sens li l-gwerra fl-Ukrajna, fil-verità, irriżultat fi 315,000 Russu mejtin u midruba. U jekk dan hu minnu, ikun ifisser li l-vittmi jammontaw għal kważi 90 fil-mija tal-militar tal-Kremlin li ilu jiġġieled fl-artijiet Ukreni sa mill-bidu tal-konflitt.
Qabel ħareġ b’dawn iċ-ċifri, l-aħħar stqarrija minn Zelensky dwar il-vittmi tal-gwerra Ukreni kienet ingħatat fi Frar u meta hu kien tkellem dwar 31,000 suldat li tilfu ħajjithom waqt l-ostilitajiet mal-qawwiet tal-Kremlin.
L-aħħar żviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna servew biss biex iżidu drastikament mal-ammont tal-maqtula.
Qed jaħsbu wkoll li l-President Zelensky kien kostrett li jagħmel l-aħħar ammissjoni wara li Donald Trump, il-President elett li fl-20 ta’ Jannar jieħu l-poter uffiċjalment fl-Istati Uniti, bagħat messaġġ fuq il-midja soċjali fis-sens li mas-600,000 suldat Russu spiċċaw maqtula inkella midruba waqt il-konflitt – u bl-istess destin, f’dan il-perjodu, imiss lil xi 400,000 Ukreni.
Madankollu, Donald Trump ma semma l-ebda sorsi uffiċjali għal dawn iċ-ċifri li għadhom miftuħin għal kull interpretazzjoni.
Bħalissa, il-qawwiet Russi qegħdin jagħmlu xi avvanzi tul il-front tal-gwerra fl-artijiet Ukreni tal-Lvant u meta anki ħadu lura l-kontroll f’xi partijiet ta’ Kursk; ir-reġjun tar-Russja li fis-sajf spiċċa okkupat mill-qawwiet Ukreni li huma qasmu l-fruntiera għal inkursjoni sorpriża.
//= $special ?>