Il-Partit Nazzjonalista qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi riċenti fis-Sirja, partikolarment il-waqgħa ta’ Damasku f’idejn il-forzi tar-ribelli u r-rapporti li l-President Bashar al-Assad ħarab mill-pajjiż.
Din hija bidla storika li tista’ tfisser tmiem ta’ deċennji ta’ ħakma awtoritarja, iżda tista’ wkoll tkompli żżid l-inċertezza u l-instabbiltà fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Fi stqarrija, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea flimkien max-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami, qalu li l-instabbiltà fir-reġjun tista’ tkompli tħalli effetti kbar fuq is-sigurtà internazzjonali u tikkawża żieda ta’ immigranti lejn l-Ewropa. Malta, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, hija fost l-aktar pajjiżi Ewropej milquta minn dawn l-isfidi.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Unjoni Ewropea biex tieħu azzjoni olistika u magħquda fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni. Dan jinkludi titjib fis-sigurtà tal-fruntieri u assistenza umanitarja.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-interessi nazzjonali ta’ Malta, filwaqt li jibqa’ impenjat li jiżgura li Malta tħares ir-responsabbiltajiet umanitarji tagħha. Aħna nħeġġu t-teħid ta’ miżuri li jibbilanċjaw il-ħtiġijiet tas-sigurtà ma’ dawk tal-għajnuna lil dawk li qed jaħarbu mill-kunflitt, biex Malta tibqa’ pajjiż solidali u b’saħħitha quddiem dawn l-isfidi reġjonali.
//= $special ?>

