L-istandards fl-Ewropa huma ogħla – li tixħet il-ħtija fuq il-Partit Nazzjonalista hija l-eħfef ħaġa imma min għandu għajnejh miftuħin ċertament jista’ jifhem għalfejn n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis fil-Qrati tal-Unjoni Ewropea qatt ma setgħet tiġi aċċettata.
Dan ingħad fl-editorjal tal-ħarġa tal-Ħadd ta’ The Malta Independent hekk kif intqal li l-istandards fl-Ewropa huma aktar riġidi u ogħla minn dawk li nżommu f’pajjiżna.
L-editur stqarr li f’Malta għandna sitwazzjonijiet fejn il-Ministri jżommu posthom anke jekk ma jżommux mal-istandards etiċi għas-sempliċi fatt li s-sistema tippermettilhom – xi drabi l-agħar li jista’ jkollhom iwettqu hija apoloġija.
Dan filwaqt li ntqal li għad fadal ħafna xi jsir minn naħa tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam dixxipplina tal-Ministri, u li hija responsabbiltà tal-Prim Ministru.
L-editorjal jisħaq li barra minn Malta l-kontabbiltà tingħata valur u li l-Prim Ministri mhumiex dgħajfa mal-Ministri tagħhom.
Il-ġurnal fakkar li biex Abela indirizza l-iskandlu tal-Eks Ministru Clayton Bartolo kellu jkun skandlu ieħor biex jiċċaqlaq. Mill-banda l-oħra l-Ministru Clint Camilleri, għadu jagħmel parti mill-Kabinett, minkejja li anke hu kellu x’jaqsam fl-ewwel skandlu ta’ Amanda Muscat.
Għalhekk, l-editur tal-Independent jisħaq li għal din ir-raġuni l-Partit Laburista jsibha bi tqila biex jaċċetta l-fatt li n-nomini tagħhom ma jiġux aċċettati barra minn xtutna – dan għaliex hemm mentalità ta’ kollox jgħaddi… u meta dan ma jseħħx ifarfruha fuq il-Partit Nazzjonalista.
Madanakollu,l-editur iddikjara li n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis qatt ma kellha ssir – għal Prim Ministru u l-Gvern Malti, Zammit Lewis kien aċċettabbli; għall-Ewropa, le.
Sal-lum, kompla l-editorjal tal-Independent, il-Partit Laburista u l-Gvern ta’ Abela għadhom mhux jaraw xi ħaġa ħażina li kellna Ministru f’relazzjoni ta’ ħbiberija kbira ma’ dak li llum qed jiġi akkużat li hu l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. U ma jaraw xejn ħażin li Zammit Lewis kien pubblikament iddefenda lil Keith Schembri u Konrad Mizzi meta nqabdu bil-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
//= $special ?>