Lokali Qorti

Probation u ordni ta’ trattament għal tfajla ta’ 16-il sena li serqet aktar minn elfejn mingħand ommha

Tfajla ta’ 16-il sena mix-Xewkija ġiet ikkundannata għal tliet snin probation u ssegwi programm ta’ trattament wara li ammettiet li serqet aktar minn elfejn mingħand ommha.

It-tfajla kienet tressqet il-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fejn ġiet akkużata li serqet madwar €2,329.37 mingħand ommha u laqgħet għandha oġġetti li kienet taf li kienu misruqa jew akkwistati b’reat.

Hi wieġbet ħatja għal dawn l-akkużi.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation u ħaddiem soċjali li spjegaw kif it-tfajla Għawdxija tbati bil-vizzju tad-droga. Huma kkonfermaw ukoll li t-tfajla qatt ma xellfet dufrejha mal-liġi u laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet li tingħata l-għajnuna meħtieġa.

Apparti t-tliet snin probation, il-Qorti ordnat lit-tfajla ssegwi programm ta’ trattament għal tliet snin. It-tfajla ġiet imwissija li jekk ma ssegwix dan il-programm, tista’ teħel ammenda ta’ mhux iktar minn €1,164.

It-tfajla trid issegwi l-programm ta’ trattament fiċ-Ċentru tal-Ibwar fis-Siġġiewi, u żżomm mal-appuntamenti tagħha mal-uffiċjal tal-probation.