Il-qawwiet tar-ribelli li ilhom l-aħħar jiem għaddejjin b’offensiva kontra r-reġim tal-President Sirjan Bashar al-Assad ikkonkludew għexieren ta’ snin ta’ tmexxija brutali tal-familja ta’ Assad – bil-President jispiċċa kostrett li jaħrab minn pajjiżu wara li l-militar tiegħu sofra sensiela ta’ disfatti diżastrużi fost il-konfronti mar-ribelli – gruppi ta’ ġellieda fejn qed jispikkaw il-militanti Iżlamiċi li fil-passat kienu jiffurmaw parti mill-gruppi terroristiċi tal-ISIS u l-Al-Qaida.
Il-kelliema għar-ribelli f’Damasku, intant, qalu li ‘l-poplu jista’ jħares lejn il-futur b’tama ġdida’ meta t-truppi tal-Gvern kienu qed jirtiraw mill-kapitali.
L-arja ta’ ċelebrazzjoni f’Damasku bħalissa hi kbira, bin-nies fit-toroq jingħaqdu f’espressjonijiet ta’ ferħ fost il-kant tal-innijiet ta’ liberazzjoni u l-isparar tal-armi fl-ajru.
Ir-rapporti qalu li Assad, li kien imexxi pajjiżu bil-ponn tal-ħadid, telaq bl-ajruplan lejn destinazzjoni mhix magħrufa u meta fl-aħħar sigħat kienu mistennija aktar rapporti li setgħu jindikaw il-movimenti tiegħu.
Min-naħa tagħhom, il-kelliema għar-ribelli qalu li l-istituzzjonijiet pubbliċi fis-Sirja għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-Eks Prim Ministru Sirjan, Mohammed Jalali, sakemm huma jagħżlu lill-kapijiet ġodda skont proċess formali ta’ suċċessjoni.
L-Eks Prim Ministru qal li jinsab ‘lest biex jikkoopera’ mat-tmexxija ġdida magħżula mill-poplu Sirjan skont il-proċess uffiċjali
Ir-Russja ilha s-snin alleata ta’ Assad u dejjem intervjeniet militarment biex tgħinu jżomm il-poter fis-Sirja. Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qal li l-President Sirjan iddeċieda li jħalli pajjiżu wara negozjati ‘ma’ parteċipanti oħrajn fil-konflitt armat tas-Sirja’. Ingħad ukoll li Assad kien ta l-istruzzjonijiet għal trasferiment tal-poter paċifiku.
Ir-Russja qed tinsisti wkoll li ma kenitx involuta fin-negozjati u li l-bażijiet militari tagħha fis-Sirja mhumiex taħt theddida – anki jekk jinsabu fuq stat ta’ allert.
Mhux magħruf x’għandu jkun il-pass li jmiss tar-Russja wara daqstant snin tipprovdi l-għajnuna militari lil Assad u r-reġim tiegħu – b’mod partikulari waqt il-gwerra ċivili Sirjana li żbruffat fl-2012.
Madankollu, dan hu mument mill-aktar sinifikanti għal-Lvant Nofsani ladarba spiċċat l-era ta’ Assad – era li bdiet mindu Hafez al-Assad, missier il-President maħrub, kien ħataf il-poter fis-Sirja waqt kolp ta’ stat li seħħ fl-1970. Mindu seħħ il-kolp ta’ stat, il-familja ta’ Assad ittrattat lill-pajjiż bħala entità kummerċjali personali u fejn ma ddejqet qatt milli tuża politika brutali u ripressiva sinonima mal-agħar tip ta’ reġim.
//= $special ?>