Lokali

“Robert Abela dgħajjef quddiem il-Ministru Clint Camilleri”

“Robert Abela qed ibaxxi rasu u jħalli lil Clint Camilleri fil-Kabinett għaliex hu dgħajjef u huwa għalhekk li n-nies imliet il-pjazza tal-Parlament it-Tnejn li għadda.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu fuq Net Television, wara li l-gazzetta ‘Il-Mument’ żvelat skandlu ieħor mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Skont informazzjoni li waslet għand ‘Il-Mument’, jirriżulta li allegatament il-proġett li jiswa tal-inqas €6 miljun f’pontoons ġodda hu mċappas b’tixħhim. Dan għaliex hemm allegazzjonijiet li dak li jrid jakkwista rmiġġ, li jiswa ħafna flus, għandu jkellem lill-Ministru Clint Camilleri jew inkella lill-mara tiegħu.

Waqt l-intervista, Bernard Grech spjega li l-Prim Ministru Robert Abela, m’għandux pjan, u saħanistra ħallas lill-barranin sabiex jagħmlulu pjan għall-pajjiżna għall-25 sena li ġejja.

Turija ċara illi mhux talli l-Gvern tal-Labour ma għandux pjan għall-pajjiż, iżda wkoll juri li Abela ma jemminx fil-kapaċitajiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

Intant, kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li spjega wkoll li Robert Abela kellu jagħżel bejn is-sussidju għal dawk li jridu jixtru karozza elettrika, u li jinvesti fi flotta ta’ karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku flok id-diesel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li huwa tajjeb li dawk li jinvestu f’karozzi jingħataw sussidju, iżda l-fatt li Robert Abela kellu jagħżel bejn pjan u ieħor hija turija ċara ta’ dgħufija fil-Prim Ministru – għaliex kellu jabbanduna pjan ta’ miljuni ta’ ewro għal pjan ieħor.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu, li l-poplu qed idur fuq il-Partit Nazzjonalista għaliex in-nies għarfet li l-Gvern abbanduna lill-pajjiż u lill-poplu – fosthom lill-għalliema, tfal li għandhom bżonn ikunu statemented sabiex jieħdu l-għajnuna li ħaqqhom l-iskola, l-anzjani u l-familji Maltin u Għawdxin.