Ewropa Internazzjonali

Roberta Metsola fost il-mexxejja għall-ftuħ tan-Notre Dame

Wara ħames snin ta’ restawr estensiv, il-katidral storiku tan-Notre Dame fi Franza reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku.

Is-Sibt 7 ta’ Diċembru, kienu bosta l-mexxejja minn madwar id-dinja li attendew iċ-ċerimonja li saret għall-ftuħ ta’ dan il-katidral, fosthom tkun il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Bħala rappreżentanta tal-Unjoni Ewropea, Roberta Metsola ngħaqdet mal-President Franċiż Emmanuel Macron u l-President elett tal-Istati Uniti Donald Trump għall-ftuħ mill-ġdid ta’ dan il-katidral.

Il-President Metsola ddeskriviet il-parteċipazjoni tagħa f’Isem l-Unjoni Ewropea bħala mument storiku, fejn rajna katidral maestuż jerġa’ jitla’ mill-irmid wara ħidma ta’ restawr impressjonanti.

Hija żiedet tgħid li n-Notre Dame huwa monument li jgħaqqad l-aspett reliġjuż mal-arti, l-istorja, il-kultura u l-wirt f’kapulavur mill-isbaħ li l-Ewropa għandha x’toffri lid-dinja.

Dan l-avveniment ta ġieħ lil dawk kollha li ddedikaw ruħhom sabiex isir restawr fuq dan il-katidral.

Il-Katidral ta’ Notre Dame, kien inħakem minn nirien estensiv u devastanti lura f’April tal-2019 – u wara 5 snin, reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu fis-7 ta’ Diċembru ta’ din is-sena.