Lokali

Tifla li attakkat tifla oħra titneħħa mill-iskola 

Tifla ta’ 13-il sena tneħħiet mill-iskola li kienet tattendi wara li pprovat tagħti tliet daqqiet ta’ mus lil tifla oħra ta’ 15-il sena

Dan seħħ biss wara li l-Qorti kkritikat lill-awtoritajiet edukattivi dwar in-negliġenza tagħhom dwar dan il-każ, li fl-aħħar jiem sirna nafu aktar dettalji minnu.

Fil-każ kontra żagħżugħ ta’ 21 sena li qed jiġi akkużat b’kompliċità f’attakk fuq il-vittma, il-Qorti semgħet kif it-tifla ta’ 13-il sena kienet thedded lill-vittma b’mus sabiex tagħtiha l-flus.

L-avukat Jason Azzopardi, li qed jirrappreżenta lill-vittma u l-ġenituri tagħha spjega fuq il-Facebook li lbieraħ filgħodu l-ġenituri tal-vittma ġew infurmati mingħand id-Dipartiment tal-Edukazzjoni li t-tifla ta’ 13-il sena kienet tneħħiet mill-iskola u b’hekk binthom setgħet tmur lura l-iskola.

Dan minħabba li l-vittma damet tliet ġimgħat ma tattendix għall-iskola minħabba li beżgħhet li terġa’ tissawwat, bħal kif seħħ qrib id-dar tagħha fl-Imqabba.

Żied li ma jistgħux jittieħdu passi legali kontra din it-tifla għaliex hija taħt l-età filwaqt li ma kienx qed jirreferi għall-każ kontra ż-żagħżugħ ta’ 21 sena.

Hu wkoll semma kif l-awtoritajiet għamlu d-deċiżjoni biex ma jħallux lit-tifla ta’ 13-il sena tattendi għall-iskola minħabba l-Qorti biss.

“Il-ġenituri ta’ din it-tifla qed jistaqsu għala kellu jkun li l-każ jasal fil-Qorti biex min hu konċernat jiċċaqlaq u ma jħallix il-vittma tal-bullying fi skola pubblika tkun ikkastigata darbtejn?”