Lokali

Titkellem omm priġunier li miet fil-ħabs

Isabelle Galea tinsab imnikkta wara li ħadet id-deċiżjoni li tirrapporta lil binha lill-Pulizija, bit-tama li ġġiegħlu jegħleb il-battalja tiegħu mill-vizzju tad-droga, iżda minflok fieq, binha spiċċa miet fil-ħabs.

Traġikament, l-isforzi tagħha biex issalva lill-binha kellhom riżultat devastanti – għaliex binha, Colin Galea, spiċċa neħħa ħajtu waqt li kien il-ħabs.

Meta tkellmet mat-Times of Malta, Isabelle Galea staqsiet liema kura tawh? Spiċċa neħħa ħajtu, minflok ħareġ mill-vizzju tad-droga.

L-omm tgħid li tħossha ħatja li rrapportat lil binha wara li damet 10 snin tagħtiħ l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga, bit-tama li mill-ħabs, seta’ jieħu l-kura meħtieġa u jfieq.

“Ħsibt li kien se jkun f’qagħda aħjar hemmhekk [il-ħabs]. Ħsibt li kienu se jgħinuh u jibagħtuh għal programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga. Issa naf li kien ikun aħjar kieku ħallejtu fil-vizzju tad-droga, għaliex tal-inqas stajt narah,” żiedet tgħid Isabelle.

Binha kien wieħed minn 14-il persuna li mietu fi żmien tliet snin fiż-żmien meta Alex Dalli serva bħala direttur tal-Faċilità ta’ Korrezzjoni ta’ Kordin bejn l-2018 u l-2021. Ħafna mill-imwiet kienu b’suwiċidju.

L-oħrajn li mietu kienu Mamadou Sakine, Seajay Cardona, Steve Farrugia, Noel Calleja, Mario Jean-Paul Carmelo Fenech, Francis Formosa, Ben Ali Wahid Ben Hassine, John Attard, Gordon Calleja, Nazzareno Mifsud, Ihtisham Ihtisham, Kim Borg Nicolas Virtu u Arun Jose.

Ir-realtajiet tal-ħajja ġewwa l-ħabs huma enfasizzati fid-dokumentarju – The Kordin Prison Scandal – imtella’ minn Andrew Azzopardi u Peppi Azzopardi.

Andrew qal li l-inizjattiva għad-dokumentarju ħarġet minn xewqa li jitfa’ dawl fuq dak il-perjodu mudlam li jgħaddu minnu l-priġunieri. “Dan iż-żmien inkwetanti kixef kwistjonijiet sistemiċi sinifikanti fi ħdan il-faċilità korrettiva.”

Fl-imsemmi dokumentarju ġew elenkati s-sitwazzjonijiet koroh li kienu jgħaddu minnhom dawn il-priġunieri, li fl-aħħar wasslet għar-riżenja tal-Eks Direttur Dalli, minkejja l-appoġġ evidenti tiegħu kemm mill-Ministru tal-Affarijiet Intern Byron Camilleri kif ukoll mill-Gvern Laburista.

Dalli ssospenda lilu nnifsu fl-2021 wara sensiela ta’ suwiċidji u mwiet fil-ħabs. Fil-fatt l-inkjesta li investigat proċeduri interni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikkonkludiet li Dalli, l-Eks Kurunell tal-Armata, ma kienx denju sabiex jerġa’ jinħatar direttur tal-ħabs.