Lokali

Xamma ta’ tixħim fl-għoti ta’ rmiġġi fl-Imġarr Għawdex

Sajjieda Għawdxin li għandhom il-laneċ tas-sajd u opri oħra tal-baħar tagħhom irmiġġjati fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, allegaw ma’ Il-Mument li l-proġett ta’ mill-inqas €6 miljun f’pontoons ġodda fl-Imġarr hu mċappas ma’ tixħim għar-rigward tat-tqassim tal-istess irmiġġi.

Il-proġett tal-pontoons il-ġodda fil-Port tal-Imġarr tlesta fl-2021 u wassal biex l-irmiġġi ġodda li jaqgħu taħt Transport Malta (TM) f’Għawdex, żdiedu bi ftit inqas minn mitt post. Issa għal dawk il-postijiet kienu nfetħu applikazzjonijiet u f’ċertu mumenti t-total tal-applikazzjonijiet kien ta’ ċirka 360.

Kien stabbilit li l-ewwel preferenzi jingħataw lis-sajjieda full-time u oħrajn part-time. Ġara iżda li f’Għawdex mill-ewwel ġriet il-kelma li jekk trid irmiġġ kellek tkellem lill-Ministru Clint Camilleri… u bosta kienu dawk li jew kellmu lilu direttament inkella lil ċertu persuna partikulari qrib tiegħu!

Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument allegaw tixħim fit-tqassim ta’ ċerti rmiġġi, anki għall-fatt li ċerti persuni spiċċaw b’irmiġġ f’dawn il-pontoons fl-Imġarr meta m’għandhom l-ebda dritt. Jingħad li rmiġġ fil-Port tal-Menqa jġib flejjes kbar.

Hi mart Clint Camilleri responsabbli mit-tmexxija ta’ Transport Malta f’Għawdex.