Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex tnejn mill-akkużati b’konnessjoni mal-qabda ta’ 146 kilo droga jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża żewġt irġiel akkużati f’konnessjoni ma’ qabda ta’ 146kg kokaina x-xahar li għadda mill-Freeport. Darren Dimech ta’ 46 sena mill-Fgura u Roderick Camilleri ta’ 44 sena minn Birżebbuġa qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi ta’ traffikar tad-droga u assoċjazzjoni kriminali.

Sadanittant, fi proċeduri separati imma quddiem l-istess Maġistrat, Kurt Scicluna ta’ 31 sena miż-Żejtun, jinsab mixli bi traffikar ta’ droga, ħasil ta’ flus u li kien parti minn ċirku ta’ kriminalità b’rabta mal-qabda ta’ 146 kilogramma droga kokaina li ddaħħlet mill-Port Ħieles.

Il-prima facie se tkun qed tiġi diskuss it-Tlieta meta se tkompli l-kawża fil-konfront ta’ Scicluna fejn id-difiża mistennija tissielet mal-prosekuzzjoni għax qed temmen li ma hemmx provi biżżejjed fuq l-akkużat. Għal darba oħra reġa’ rriżulta fil-Qorti li l-kontejner innifsu li kien jinkludi 41kg addizzjonali ta’ kokaina, wara li l-bqija kienet tgħabbiet mill-istess kontejner għal fuq trakk.

Id-droga, skont l-awtoritajiet, kienet oriġinat minn Guayaquil fl-Ekwador u, b’differenza minn drabi oħra, dan il-konsenju kellu jintbagħat lis-suq lokali, għalkemm il-Pulizija temmen li din id-droga setgħet ukoll baqgħet sejra lejn it-Turkija.

Fis-seduta tat-Tnejn xehed l-Ispettur Franceso Mizzi li qal li kien infurmat minn Mark Mercieca, li kienet twaqqfet vettura fis-security tal-Freeport fejn kien hemm tliet xjekker droga fiha. Huwa mar fuq il-post u hemm sab lil Darren Diemch, li kien stabbilit li kien qed isuq l-istess vettura.

Fis-secutiry room kien hemm Camilleri fil-kamra tal-ħruġ tal-Freeport fejn ma kienx qed iħossu sew u qal li kellu wġiegħ f’sidru. Dak il-ħin huwa kien ukoll mitluf minn sensih. Għalhekk issejħet l-ambullanza. Ġie infurmat li fil-Freeport instab container bis-siġill miftuħ.

Il-container jinsab imsakkar fil-compound tal-Pulizija

Tenna li mar fejn il-container li kellu s-siġġili miftuħin. Fil-container kien hemm ‘ear phone’ u xkora simili ta’ li nstabet fil-vettura. Ix-xhud qal li hemm ħalla żewġ Pulizija ‘fix-point’. Tenna li l-container illum jinsab imsakkar fil-compound tal-Pulizija u kien ġie ssiġġilat minn tal-forensika.  

L-Ispettur qal li l-akkużati marru Mater Dei għax bdew iħossuhom ma jifilħux. Tas-SOCO fetħu t-trakk u sabu t-tliet xkejjer fejn kien hemm 25 blokka kokaina bil-logo ta’ McDonald, 40 blokka oħra b’logo ta’ jott u 40 oħra mmarkati LC 200 li dawn ġew impoġġija f’evidence bag. Minn hemm it-trakk ittieħed lejn il-compound tal-Pulizija.

Wara saret scan fil-container fejn instabu aktar blokok ta’ kokaina. Kollox ġie preservat minn naħa tal-forensika. L-għada ttieħdet stqarrija lil Darren Dimech, fejn għażel li jkellem lil Avukat George Anton Buttigieg.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Dimech qed jidher l-Avukat George Anton Buttigieg u għal Camilleri qed jidhru l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta. Għal Scicluna qed jidher l-Avukat Josè Herrera.

Għal Camilleri dehru l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia waqt li għal Dimech deher l-Avukat George Anton Buttiġieġ. Minbarra l-prima facie, it-Tlieta se jsiru wkoll is-sottomissjonijiet fuq il-pleġġ fil-konfront ta’ Scicluna.