Internazzjonali

Donald Trump: L-Istati Uniti tista’ tnaqqas mill-appoġġ lill-Ukrajna… filwaqt li tirrevedi postha fin-NATO

It-tmexxija tal-Ukrajna u l-Alleanza tan-NATO huma allarmati dwar l-aħħar kummenti tal-President elett Amerikan rigward il-gwerra tal-Ukrajna u s-sħubija tal-Istati Uniti fin-NATO.

Dan wara li Donald Trump, fl-aħħar intervista, issuġġerixxa li ‘l quddiem, ‘bħala President’, kapaċi jnaqqas l-għajnuna militari lill-Ukreni minbarra li jikkunsidra ‘l-futur ta’ pajjiżu fi ħdan l-Alleanza tal-Punent ‘.

Donald Trump se jieħu t-tmexxija tal-Istati Uniti uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar u kliemu qed iżid is-suspetti tal-osservaturi politiċi li hu kapaċi jneħħi ħafna mill-appoġġ militari li tant qed jgħin lill-Ukreni biex jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-qawwiet tar-Russja – tħassib li qed ikun anki rifless fost l-esperti Amerikani tas-sigurtà fuq livell nazzjonali.

Intant, Trump qal li qed jaħdem ‘b’mod attiv’ biex jikkonkludi l-gwerra tal-Ukrajna li dalwaqt tagħlaq tliet snin iżda, waqt l-intervista, ma żvelax jekk tkellimx mal-President Russu Vladimir Putin mindu rebaħ l-elezzjoni presidenzjali tax-xahar li għadda fl-Istati Uniti.

Il-President elett sostna li għalissa ‘ma jrid jgħid xejn li kapaċi jfixkel lin-negozjati li għaddejjin bħalisssa’, waqt li tenna wkoll, mingħajr ma żvela d-dettalji, li l-Ukrajna u l-President Ukren Volodymyr Zelensky, huma ‘ħerqanin għal ftehim li jikkonkludi din il-gwerra’.