Lokali Qorti

8-1 ħati ta’ attentat ta’ qtil… sentenza nhar il-Ħamis

Wara tliet sigħat ra’ deliberazzjoni l-ġurati sabu lir-raġel ħati ta’ attentat ta’ qtil bi tmien voti kontra wieħed. Wara li l-Prim Ġurat ħareġ bil-verdett tiegħu ftit wara l-10pm. il-Qorti infurmathom li se tkun se tagħti s-sentenza nhar il-Ħamis li ġej.

Kien ftit wara s-7pm li l-ġurati daħlu jiddeliberaw wara indirizz twil mill-Imħallef fil-ġuri fejn raġel qed jiġi mixli li tefa’ briks lejn missier ġar tiegħu minn fuq sellum. Il-ġuri li beda nhar it-Tlieta li għaddew huwa marbut ma’ każ ta’ attentat ta’ qtil. Paul Borg, ta’ 68 sena residenti Ħaż-Żebbuġ kien akkużat li fl-2020 ipprova joqtol lil Mario Grech u li kkaġunalu feriti gravi f’inċident ukoll separat sena qabel.

Is-sentenza se tingħata wara li jsiru s-sottomissjonijiet dwar il-piena. Il-każ imur lura għat-12 ta’ Settembru 2020 meta għall-ħabta tal-10:30am f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ, il-vittma kien bilqiegħda fil-bitħa tar-residenza ta’ ibnu jagħmel xi xogħlijiet fuq is-sellum fuq ħajt li jifred il-proprjetà minn dik tal-akkużat. Borg allegatament tela’ fuq il-bejt li jagħti fil-bitħa fejn kien jaħdem Grech u tefa’ żewġ briksiet fid-direzzjoni tiegħu.

Borg kien qed jiffaċċja akkużi ta’ ħsara intenzjonata lil proprjetà ta’ terzi kif ukoll li attakka u rreżista uffiċjal tal-pulizija. Borg qed jiċħad l-akkużi kollha. Qed ikun allegat li l-akkużat tefa’ żewġ madumiet tal-briks lejn Grech wara li lemħu jaħdem fi proprjetà ta’ ġar tiegħu li jiġi iben Grech. Fil-Qorti l-ġurati ntwerew filmat tal-akkużat iwaddab il-briks u laned taż-żejt fuq il-vittma u ibnu.

Il-ġimgħa l-oħra l-ġurati, l-avukati tal-partijiet u l-akkużat ittieħdu fir-residenza fejn seħħ l-inċident fejn hemm spezzjonaw u ngħataw informazzjoni dwar l-allegat reat. Saru wkoll xi mistoqsijiet fil-preżenza tal-Imħallef Consuleo Scerri Herrera li tippresiedi l-ġuri.

L-Erbgħa li għadda xehed iben il-vittma li spjega minn xiex għadda missieru u dwar meta Paul Borg, martu u ibnu sgassaw il-bieb, daħlu fir-residenza u sawtu lill-missieru. Fl-awla, il-ġurati raw sett ta’ ritratti fosthom linvell imċappas bid-demm u l-fallakka li Mario Grech fetaħ rasu magħha meta l-aggressuri waqqgħuh mal-art u tawh xebgħa. Iben l-allegat vittma spjega wkoll ix-xena tal-inċident u li pproduċa filmati ta’ dak li seħħ u għaddihom lill-Pulizija.

B’kollox, Borg kien qed jiffaċċja ħames akkużi, fosthom ta’ attentat ta’ qtil ta’ Grech kif ukoll li attakka u rreżista ordnijiet minn uffiċjali tal-pulizija.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Ramon Bonett Sladden u Abigail Caruana Vella f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Paul Borg, l-akkużat dehru l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo. L-Avukat Arthur Azzopardi kien qed jidher għall-parte civile.