Claudette Buttigieg, PN
Ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg qalet fil-Parlament li l-monitoraġġ elettroniku hu mod ta’ riforma tal-persuna.
Fid-dibattitu parlamentari dwar l-introduzzjoni tal-monitoraġġ elettroniku, id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li dan il-proċess beda fl-2019 u sostniet li tajjeb li jkun hemm kawtela iżda setgħu ġew salvati ħajjiet u sitwazzjonijiet li l-monitoraġġ elettroniku jkun ta’ deterrent.
Id-deterrent jista’ jintuża anki mill-aspett edukattiv, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li l-monitoraġġ jista’ jservi b’mod pożittiv biex jintegra persuni u l-familji ma jitkissrux.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-monitoraġġ elettroniku fih elementi pożittivi fosthom it-tnaqqis ta’ reati mill-istess persuni, is-sigurtà tal-komunità, iktar kontroll fuq il-ħajja ta’ dawk li jkunu fil-monitoraġġ u l-mod kif is-soċjetà jaqbillha tirriforma persuna bil-monitoraġġ milli titfa’ l-persuni l-ħabs.
Claudette Buttigieg qalet li l-monitoraġġ joffri sorveljanza aħjar bl-awtoritajiet isegwu mill-qrib fejn l-alarms ikunu effiċjenti ħafna meta persuna tkun fil-qrib. Hemm ukoll il-ġbir tal-informazzjoni li tiġi mill-monitoraġġ elettroniku, li hu aspett importanti ħafna.
Din tista’ tgħin ukoll fil-kunsiderazzjonijiet ġudizzjarji li issa se jkollhom din l-opportunità, qalet id-deputat Nazzjonaista, li spjegat li jrid ikun ikkunsidrat l-aspett li hemm persuni fil-ħabs li qegħdin hemm u qed jaħlu ħajjithom.
Aspett primarju ieħor hu l-monitoraġġ elettroniku jista’ jwassal għall-prevenzjoni tal-kriminalità, qalet Claudette Buttigieg, li appellat biex ikun hemm it-taħriġ neċessarju tal-persuni li se jħaddmu din is-sistema.
//= $special ?>