Lokali Parlament

Il-monitoraġġ elettroniku hu tajjeb iżda l-pajjiż tilef ħames snin biex jimplimentah

Darren Carabott, PN

Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott qal fil-Parlament li l-Abbozz dwar il-monitoraġġ elettroniku hu tajjeb iżda l-pajjiż tilef ħames snin fl-introduzzjoni tal-monitoraġġ elettroniku proprju għaliex il-gvern dam biex introduċih.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-gvern seta’ sab riżorsi biex il-Maltin li taw sehem fl-organizzazzjoni tal-OSCE kienu trattati b’nuqqasijiet ta’ kundizzjonijiet xierqa. Hu sostna li jabqel li jkun hemm kawtela fl-introduzzjoni tal-monitoraġġ elettroniku għaliex din se tbiddel prattika importanti fis-sistema punittiva tal-pajjiż.

Dan ifisser li t-teknoloġija se tkun qed tingħata l-fiduċja biex is-sistema tkun iktar effettiv, kontabbli u li tħalli riżultati aħjar. Hu qal li l-PN kellu din il-proposta fil-programm elettorali fl-aħħar elezzjoni li għaddiet. Il-pajjiż jista’ jkollu l-aqwa liġi iżda jeħtieġ li jkun hemm sistemi effettivi ta’ infurzar effiċjenti, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Darren Carabott kompla li l-proġett pilota tal-monitoraġġ elettroniku beda fl-2019 u qal li dan juri kemm il-gvern ma jattwax dak li jgħid u dak li jwettaq. Dan ifisser li l-pajjiż tilef opportunità ta’ ħames snin biex intilfu opportunitajiet għal dawk kollha involuti, sostna Darren Carabott, li semma’ każi ta’ vittmi li dwarhom seta’ kien hemm differenza.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-fatt li Malta hi pajjiż żgħir hu vantaġġ fil-formazzjoni tas-sistema u ppropona li s-sistema għandha tħares l-interessi tat-vittma. Darren Carabott sostna li s-sistema għandu jkollha s-superviżjoni għaliex għandu jkun hemm konsegwenzi fuq min jikser il-kundizzjonijiet.

Jeħtieġ tingħata prijorità għall-persuni anki fir-rigward ta’ xogħol u professjoni tal-persuna. Is-sistema se tkun qed tgħin fil-proċess ġudizzjarju anki bħala prova fil-Qorti u tista’ tgħin anki fil-mod kif jintefqu l-fondi l-pubbliċi.

Darren Carabott qal li l-infurzar hu l-aktar aspett importanti iżda miegħu hemm ukoll l-aġenzija li se tkun responsabbli minn dan il-monitoraġġ fl-isfond tad-deċiżjonijiet effettivi li jkunu jridu jittieħdu. Hu staqsa jekk il-gvern hux qed jippjana li jifrex din is-sistema fuq iktar reati meta din tkun taħdem b’mod effettiv.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-monitoraġġ jista’ joħloq stigma għalkemm hemm aspetti pożittivi fih. Hu tkellem dwar il-mod kif se titħaddem is-sistema u qal li l-NAO sab minn 17-il rakkomandazzjoni li hu għamel fl-2021, kienu biss tlieta li ġew implimentati fis-sħiħ mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Dan juri li din l-Aġenzija ma wettqitx ir-rakkomandazzjonijiet tal-NAO u għalhekk il-mistoqsija hi dwar kemm se tkun kapaċi twettaq iktar rakkomandazzjonijiet?

Fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-NAO dwar il-ħabs li ma kinux implimentati kien hemm ir-rinovar taċ-ċelel, l-estenzjoni tal-ħabs, l-ammont ta’ uffiċjali fil-ħabs, it-taħriġ għall-uffiċjali u l-ingaġġ ta’ uffiċjali u policies u proċeduri. Hu staqsa jekk l-Aġenzija tiflaħx għal iktar responsabbiltajiet meta ma wettqitx ir-rakkomandazzjonijiet proposti mill-NAO. Jeħtieġ li l-monitoraġġ elettroniku jwassal għal azzjonijiet effettivi, sostna Darren Carabott.