Hu kważi ċert, issa – almenu skont l-aħħar rapporti – li l-President Sirjan Bashar al-Assad jinsab f’Moska wara li ħarab minn pajjiżu bħala parti minn ftehim konkluż matul il-lejl tas-Sibt. Dan meta r-Russja, alleata antika tiegħu u li investiet bil-kbir fir-reġim ta’ Assad qed tagħtih il-kenn politiku – sitwazzjoni li tagħmilha diffiċli biex Assad iwieġeb għad-diversi reati tal-gwerra fis-Sirja u l-attakki bil-gass letali fuq in-nies tiegħu stess matul il-konflitt ċivili.
Fl-aħħar sigħat, ir-ribelli trijonfali fis-Sirja kienu qed jiftħu beraħ il-bibien tal-kumplessi tal-ħabs biex jeħilsu lil xi 100,000 persuna ‘li kienu ilhom mill-2011 neqsin waqt il-konfronti mal-istat Sirjan’.
Iżda minkejja ċ-ċelebrazzjonijiet, il-mexxejja tad-dinja huma attenti biex l-iżviluppi – u n-nuqqas ta’ Gvern stabbli f’Damasku – ma jwittix it-triq għal aktar inkwiet u vjolenza, mhux biss fis-Sirja iżda fir-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani.
Dan waqt li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li dan l-avveniment, minkejja li jfisser it-tmiem ta’ reġim brutali, qed jiftaħ is-siparju għal ‘perjodu ta’ inċertezza u diversi elementi ta’ sogru’ għal reġjun li ilu s-snin mgħarraq fi kriżi wara l-oħra.
Sadanittant, l-Unjoni Ewropea – fejn bħalissa qed jgħixu komunitajiet kbar tas-Sirjani – qed tgħid li mhix se tidħol f’taħditiet mal-militanti tal-grupp Iżlamiku Hayat Tahrir al-Sham (HTS) li kien fl-avangwardja tal-movment tar-ribelli ta’ kontra Assad. Dan waqt li l-kelliema għall-UE qalu li ‘filwaqt li l-HTS qed jassumi livell ħafna ogħla ta’ responsabbiltà fis-Sirja, l-Ewropa beħsiebha tevalwa mhux biss id-diskors min-naħa tal-grupp iżda fuq kollox l-azzjoijiet futuri tiegħu’.
L-Unjoni Ewropea, sadanittant, irrevediet il-politika tagħha fir-rigward tas-Sirja permezz ta’ laqgħa fi Brussell għall-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati membri.
Il-grupp HTS qed jgħid li l-Gvern ġdid fis-Sirja għandu jibda jaħdem immedjatament ladarba jkun iffurmat f’Damasku. Dan il-grupp kompla li se jieħu t-tmun tal-pajjiż minn idejn il-Gvern transitorju li qed imexxi f’Damasku bħalissa, iżda fl-istess ħin ma pprovdiex data speċifika.
L-HTS, waqt l-offensiva deċiżiva fuq il-qawwiet ta’ Assad, kien megħjun mill-milizji bl-isem Armata Nazzjonali tas-Sirja li huma appoġġjati mit-Turkija. Intant, il-fundatur tal-HTS, Abu Muhammad al-Jolani, snin ilu, kien involut fir-rewwixta kontra l-interessi tal-Istati Uniti fl-artijiet tal-Iraq u meta kien jifforma parti minn grupp li maż-żmien żviluppa fl-entità terroristika tal-ISIS.
Qabel dan, l-HTS kien iddikjara l-lealtà lill-al-Qaeda, il-grupp terroristiku l-ieħor, iżda ssepara minn dik l-organizzazzjoni fl-2016 u fejn ħa l-isem ta’ Hayat Tahrir al-Sham.Fl-iste ss ħin, l-HTS hu kunsidrat bħala organizzazzjoni terroristika mill-Istati Uniti u n-Nazzjonijiet Uniti li kemm-il darba esprimew tħassib dwar l-aġir ‘antiuman’ tal-militanti fiz-zoni kontrollati minnhom.
Il-Prim Ministru Sirjan, Mohammed Ghazi al-Jalali, min-naħa tiegħu qal li hu u Ministri oħrajn tal-Kabinett se jibqgħu f’posthom biex jaċċertaw li t-trasferiment tal-poter ‘wara l-era ta’ Assad’ jimxi b’mod kwiet, effettiv u bl-inqas intoppi possibbli.
L-istess al-Jalali kien għamilha ċara li ma kellux l-intenzjoni biex jitlaq minn pajjiżu wara l-kroll tar-reġim ta’ Assad u fejn tenna li għandu jiggarantixxi ‘l-kontinwità tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi – minbarra s-sistemi tal-Istat li jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċittadini Sirjani kollha’.
//= $special ?>