Lokali Qorti

Jason Azzopardi ma jidher fl-ebda ħin jiġbed xi filmati fil-Qorti… iċ-Chief Marshall tal-Qorti jgħid li ma rahx għax kieku kien iwaqqfu

Fl-ebda ħin mill-filmati li ntwerew fil-Qorti ma juru lil Jason Azzopardi jiġbed xi filmati fil-kurituri tal-Qorti. Dan hekk kif l-Avukat Jason Azzopardi ġie mixli li ffilmja filmat ġewwa l-qrati mingħajr awtorizzazzjoni mill-mobile tiegħu.

L-Avukat Azzopardi tressaq il-Qorti tard waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Monica Vella, biċ-Chief Marshall tal-Qorti John Micallef ukoll jgħid lill-Qorti li hu fl-ebda mument ma huwa raha lill-Avukat Azzopardi jiġbed xi filmati, rah biss bil-mobile ma’ widnejh. Tenna li kieku rah jiġbed xi filmati kien iwaqqfu mill-ewwel.

Xehed ukoll il-Ministru Jonathan Attard, li għaraf il-persuni li dehru fil-filmat. Sadanittat suppost kellu jixhed ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, li iżda ma kienx preżenti. Xehed ukoll iċ-Chief Security tal-Qorti li ġibed il-footage tas-CCTV, li qal li dak li kien imqabbad li jagħmel u fil-fatt huwa ppreżenta footage ta’ dak li niżżel fuq pen drive. Huwa qal li l-cameras tal-Qorti huma mingħajr audio.

Eunice Fiorini, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qrati, kienet l-ewwel xhud li qalet li fit-2 ta’ Diċembru rat filmat fuq il-Facebook tan-NET fil-Qorti u li xi persuni qed jiġu ffilmjati. Qalet li raw is-CCTV Cameras ukoll fejn jidher il-Prim Ministru Robert Abela, is-Security tiegħu fejn il-Qorti tal-Appell u Awla 19 u jidher ukoll il-Ministru Jonathan Attard.

Ix-xhud reżentat is-CCTV u l-facebook ġie downloaded minnha. Dan kien fid-9.17am. Meta qablet dawn, infurmat lill-Prim Imħallef għax biex xi ħadd jieħu filmati jrid ikollu l-permess, li la hi u lanqas l-istess Prim Imħallef ma ħareġ l-ebda permess biex jittieħdu xi filmati.

Ingħatat parir legali biex tmexxi bil-Pulizija, li qalulha li kulma jistgħu jagħmlu hu li jkellmuh. Ippreżentat kwerala u l-Pulizija qalulha li trid tmexxi bil-Marixall. Id-difiża eżentat liċ-Chief Marshall li jitlob lill-Prim Imħallef biex jixhed.

Il-partijiet issottomettew li Jason Azzopardi mhuwiex qed jitressaq quddiem il-Qorti taħt arrest u f’każ li ma tagħtix is-sentenza llum, ma hemm l-ebda neċċessità għat-talba għall-ħelsien mill-arrest. Jason Azzopardi qed jiġi mixli li ffilmja filmat ġewwa l-qrati tal-liġi mingħajr awtorizzazzjoni.

Kien qed jiġi allegat li ffilmja lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fit-2 ta’ Diċembru ġewwa l-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta. Klipp qasir tal-Prim Ministru, il-Ministru u uffiċjal jinterraġixxu kien ippubblikat fuq Facebook minn NET News.

Skont il-liġi, huwa illegali li wieħed jieħu xi ritratti jew filmati ġewwa l-Qrati tal-liġi mingħajr il-permess tad-Direttur Ġenerali tal-Qorti tal-liġi u tal-Prim Imħallef. Skont il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura, kull min jinqabad jagħmel dan jista’ jiġi arrestat sa 24 siegħa, jitkeċċa mill-Qorti, imċanfar jew immultat sa €1,164.

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard kienu fil-Qorti hekk kif Qorti tal-Appell laqgħet l-appell tal-Partit Nazzjonalista u kkonkludiet li l-Avukat tal-Istat għandu s-setgħa li b’mod indipendenti mill-gvern ifittex biex jirkupra l-flus mingħand Steward Health Care.

Għall-Avukat Jason Azzopardi deher l-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li għall-Aġenzija tal-Qorti dehru l-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin.

Il-każ ikompli fil-15 ta’ Jannar 12.45pm.