Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Bettson Depiro fl-ewwel post

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol……….43

Hibernians………………….71

(17-15)(5-31)(9-15)(12-10)

Hibernians komplew bir-rebħ hekk kif għelbu lil Caffè Moak Luxol 71-43 biex pattew għat-telfa tal-ewwel round. Minkejja bidu promettenti minn Luxol, l-iskwadra ta’ Hibernians ħarġu b’prestazzjoni difensiva u offensiva mill-aqwa, speċjalment fit-tieni sessjoni fejn rebħuha 31-5. Luxol bdew bi trippla ta’ Brandi Huffhines u punti ta’ Sarah Fenech Pace. Steffi De Martino wkoll kellha trippla għal Hibernians flimkien ma’ Andie Saliba u Makayla Brandon. Hibernians, naqqsu d-distakk lejn it-tmiem, iżda Luxol kellhom trippla minn Anna Fenech Pace u basket ta’ Josephine Diaby għal skor ta’ 17-15 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni perjodu, Hibernians ħadu kontroll totali b’run ta’ 19-0 li kienet immexxija minn De Martino fosthom b’żewġ trippli flmkien ma’ Saliba u Brandon li wkoll għamlet three pointer. L-attakk ta’ Luxol kważi ġie kompletament newtralizzat bil-prestazzjoni difensiva mill-aqwa ta’ Hibernians li wasslet għal skor ta’ 46-22 sal-intervall.

Fit-tielet sessjoni, Luxol ippruvaw jirkupraw bl-isforzi ta’ Diaby u S. Fenech Pace, iżda Hibernians żammew il-momentum tagħhom. Huma għamlu run oħra ta’ 8-2 qabel ma Luxol waqqfuhom bi trippla ta’ Huffhines.Hibs għalqu l-perjodu bi break ta’ 7-2 biex id-distakk kiber għal 30 punt sal-aħħar tal-perjodu s-sessjoni 31-61. Fl-aħħar taqsima, Luxol tħabtu biex inaqqsu d-distakk u kellhom il-punti ta’ Huffhines u Anna Fenech Pace. Hibernians però kellhom vantaġġ qawwi u kien impossibbli li jintlaħqu. Naomi Farrugia u Marie Buhagiar għamlu l-aħħar punti ta’ Hibs biex għalqu l-logħba b’vantaġġ sod 71-43.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott 2, L. Fenech Pace, M. Marmara, N. Vella 2, E. Abela 2, S. Fenech Pace 11, J. Diaby 11, B. Huffhines 8, V. Baldacchino, S. Sciberras, R. Naudi, A. Fenech Pace 7.

Hibernians: M. Brandon 14, M. Buhagiar 2, E. Farrugia, A. Saliba 12, J. Abela 3, M. Bonett 3, S. De Martino 26, K. Calleja 2, N. Farrugia 5, K. Caruana, A. Mallia, J. Dabic 4.

Referees: Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia.

Bettson Depiro………68

Starlites JSD………….64

(21-11)(14-26)(19-11)(14-16)

Depiro kisbu rebħa importanti kontra Starlites JSD u grazzi għal dan ir-riżultat issa jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika. Il-logħba kienet missielta, b’mumenti fejn Starlites ippruvaw inaqqsu d-distakk u saħansitra marru minn fuq fit-tieni sessjoni, iżda Depiro żammew il-kalma speċjalment fit-tielet sessjoni li kienet determinanti. Depiro fetħu b’punti ta’ Kristy Galea minn free throws u layup ta’ Claire Ciantar. Għalkemm Starlites wieġbu b’trippla ta’ Sacha Lecuyer u basket ta’ Makaila Napoleon, Depiro ħadu kontroll bi break ta’ 15-1 grazzi għal Janai Crooms u Neve Borg. Starlites naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Napoleon, iżda Depiro temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 21-11. Fit-tieni sessjoni, Starlites reġgħu lura fil-logħba grazzi għal run ta’ 10-2, immexxija minn Lecuyer u Philippa Riolo b’żewġ three pointers. B’żewġ trippli oħra, Lecuyer u Napoleon komplew jagħmlu pressjoni fuq Depiro bi break qasir ta’ 8-2. Lejn it-tmiem tas-sessjoni, Starlites kellhom il-punti ta’ Napoleon u Chaterine Cilia li tahom vantaġġ żgħir ta’ 2 punti 37-35 sal-intervall.

Fit-tielet sessjoni, wara li Starlites fetħu bi trippla ta’ Mikela Riolo, Depiro ħadu mill-ġdid il-kontroll tal-partita b’run ta’ 9-2 grazzi għal Crooms u Ciantar flimkien ma’ Joselle Borg Cardona. Minkejja l-isforzi ta’ Napoleon u Riolo bi trippla, Depiro żiedu mal-vantaġġ tagħhom bi break ta’ 8-0 fl-aħħar minuti tas-sessjoni, li għalquha fuq quddiem bi skor ta’ 54-48. Fl-aħħar sessjoni, Starlites għamlu l- sforz ieħor biex jirkupraw bi trippli ta’ P. Riolo u Michela Zammit Cordina u Lecuyer u reġgħu ħadu l-vantaġġ 58-56. Hawn Depiro għamlu run deċisiva ta’ 12-0 b’diversi punti minn Crooms, Ciantar u Borg. Fl-aħħar minuta u nofs, Starlites għamlu sitt punti mingħajr risposta li però ma kienux biżżejjed biex Depiro rnexxielhom jagħlqu l-logħba b’rebħa importanti fuq skor ta’ 68-64 li tellgħithom fl-ewwel post tal-klassifika.

Bettson Depiro: L. Catania, J. Borg Xerri 2, J. Magri, J. Mallia, L. Sciberras, C. Ciantar 13, N. Borg 8, K. Galea 2, J. Borg Cardona 9, H. Farag, J. Crooms 34.

Starlites JSD: S. Lecuyer 17, M. Riolo 6, C. Cilia 1, P. Riolo 9, M. Zammit Cordina 9, C. Vella, M. Fenech, M. Napoleon 19, E.Degiorgio, Y. Ferrando, C. Curmi, Y. Bonett 3.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Wendell Lim

Valletta Lioneses……..61

Athleta……………………..68

(16-9)(11-20)(13-18)(21-21)

Athleta kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta rripetew ir-riżultat tal-ewwel round u reġgħu għelbu lil Valletta Lioneses 68-61 biex ħallew lill-Beltin mingħajr rebħa fil-kampjonat. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni kompluta tagħhom bl-eċċezzjoni ta’ Milica Stefanovic li kienet nieqsa għal Valletta. L-Amerikana Janea Barnes għal Valletta kellha double double b’16 –il rebound u 38 punt u l-istess għamlet Kennedi Williams bi 15 –il rebound u 28 punt. Il-players Britney Agius u Nicole Vella qasmu bejniethom 28 punt hekk kif il-partita fetħet bi trippla ta’ Janea Barnes għal Valletta b’ Athleta wieġbu b’run ta’ 7-0 li għalqugha bi trippla ta’ Francesca Sant. Hawn Valletta kellhom mument mill-aqwa fejn għaqqdu break ta’ 13-2 b’punti minn Sabrina Abugrin , Akeksandra Nikishina u Nicole Caruana fost l-oħrajn biex temmew it-taqsima 16-9 minn fuq. Athleta fetħu t-tieni perjodu b’basket ta’ Kennedi Williams qabel ma Valletta wieġbu b’5 punti oħra bi trippla ta’ Barnes. Athleta rkupraw u ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 15-0 bi trippli minn Williams u Nicole Vella flimkien ma’ Britney Agius. Valletta rkupraw b’baskets minn Taisiia Nikishina u 5 punti ta’ Barnes għalkemm Athleta kellhom ukoll trippla oħra minn Vella. Fl-intervall, Athleta kienu basket minn fuq 29-27.

Fit-tielet taqsima reġgħu kienu Athleta li ħarġu l-aħjar meta bdew bi break ta’ 8-2 b’żewġ trippli minn Vella u Agius u kabbru l-vantaġġ 37-29. Għal Valletta kien hemm il-punti ta’ Barnes biex żammithom viċin tal-avversarji però Vella u Agius malajr kisbu trippla kull wieħed biex għalqu t-taqsima 47-40 fuq quddiem. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin però mal-ħin Athleta bdew ikabbru l-vantaġġ grazzi għal punti minn Agius u Williams. L-aħħar sforz ta’ Valletta wassalhom sa’ erba’ punti ‘l bogħod 58-62 wara żewġ trippli ta’ Barnes. Huma bdew jagħmlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ però Athleta kienu preċiżi mill-freethrow line biex rebħu l-partita 68-61.

Valletta Lioneses: A. Parnis, J. Barnes 38, S. Abugrin 6, J. Apap Brown, N. Caruana 6, M. Momcilovic 1, M. Mifsud, A. Nikishina 2, H. Grixti, N. Montalvo, T. Nikishina 8.

Athleta: K. Williams 28, B. Agius 14, M. Ferrante, N. Vella 14, M. Cassar Pickard, F. Sant 9, J, Cipriott, Ke. Abela, C. Caruana, Ka. Abela, L. Camilleri 3, L. Mercieca.

Referees: Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia.