Lokali

“Kwalità bil-paroli biss minflok karozzi tal-linja elettriċi… il-Gvern se jżid il-karozzi privati li jżidu t-traffiku fit-toroq” – PN

Ftit ġimgħat wara budget li wiegħed il-kwalità, u wara iżjed skandli ta’ serq u frodi ta’ fondi pubbliċi, malajr waslet il-konferma kif il-kwalità armejnieha barra mit-tieqa u kif il-prijoritajiet ta’ Robert Abela jinsabu rashom ’l isfel.

Il-qalba tal-karozzi tal-linja minn dawk li jaħdmu bid-diesel għal dawk elettriċi kienet inizjattiva kruċjali sabiex jonqsu l-emissjonijiet u niġġieldu t-Tibdil fil-Klima. Dan għaliex dawn huma karozzi li jagħmlu l-ġurnata sħiħa jduru fit-toroq tagħna, u għalhekk għandhom ikunu l-ewwel prijorità fl-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi f’pajjiżna.

Minflok, Robert Abela ħa d-deċiżjoni bla sens li jerġa’ lura mill-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi, iħalli karozzi tal-linja bid-diesel, u jdawwar il-fondi għal iżjed karozzi privati li jżidu t-traffiku. Dan wara li l-karozzi privati fil-budget li għadda naqqsilhom il-grant minn €11,000 għal €8,000.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Park & Ride tal-Marsa, quddiem il-Venda tal-Linja ta’ Ħal Qormi, ix-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Enerġija Ryan Callus u x-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima Eve Borg Bonello spjegaw kif agħar minn hekk, b’din id-deċiżjoni li jirtira mill-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li kien se jfisser investiment ta’ €34 miljun f’fondi tal-UE f’karozzi tal-linja ġodda li ma jniġġsux, se jkunu qed jintilfu wkoll €7 miljun f’fondi Ewropej għaċ-charging stations tal-istess vetturi, u €50 miljun oħra f’investiment mill-privat biex ikollna arja iżjed nadifa.

Din il-ġennata ta’ Robert Abela tikkonferma kemm m’għandux direzzjoni u kemm il-kwalità qed jarmiha b’kull deċiżjoni li jieħu.

Jekk veru kellu jagħżel minn fejn se jnaqqas il-fondi, Robert Abela messu għażel li jnaqqas it-tberbiq fuq dawk tal-qalba u l-korruzzjoni li ħakmet il-Gvern tiegħu.

Fi żmien meta jgħidulna li għandna l-aqwa u l-ikbar ekonomija fl-istorja, spiċċajna rridu nagħzlu bejn karozzi elettriċi privati u karozzi tat-trasport pubbliku. Il-kwalità tal-ħajja tagħna tiddependi mill-arja nadifa fit-toroq tagħna. Għal darba oħra, bl-inkompetenza tal-Labour, saħħitna se tkompli tibla’ l-exhaust tal-karozzi tal-linja li jaħdmu bid-diesel kull darba li tgħaddi karozza maġenbna meta nkunu mexjin fit-triq. Din mhijiex ħajja ta’ kwalità.

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku soluzzjoni li għandhom il-Maltin. Aħna nwiegħdu trasport tal-massa elettrifikat, li mhux biss inaqqas l-emissjonijiet fit-toroq tagħna, imma jagħtina servizz effiċjenti u adekwat. Fuq kollox, inwiegħdu kontabbiltà u serjetà fl-infiq pubbliku u fl-infiq tal-fondi Ewropej li jkun fl-interess tal-ġid komuni, u mhux tal-ftit.