Il-Merill SICAV plc, li hija liċenzjata lokalment, għadha kif ingħatat l-approvazzjoni mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta biex is-sottofondi tagħha jiġu kklassifikati skont l-Artikolu 8 tal-SFDR. Din hija l-ewwel SICAV f’Malta li għandha l-erba’ sottofondi tagħha kollha liċenzjati skont l-Artikolu 8 tal-SFDR li jqis l-impatti negattivi prinċipali kollha fuq il-fatturi tas-sostenibbiltà fi ħdan il-proċess ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment tagħha.
Hekk kif is-sostenibbiltà qed tkun fiċ-ċentru tax-xenarju globali tal-investiment, il-Fondi tal-Artikolu 8 qed isiru strument vitali kemm għall-investituri kif ukoll għas-soċjetà. Dawn il-fondi, kategorizzati taħt ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar Divulgazzjonijiet Relatati mas-Sostenibbiltà fis-Settur tas-Servizzi Finanzjarji (SFDR, Sustainable Finance Disclosure Regulation), jippromwovu b’mod attiv karatteristiċi ambjentali jew soċjali. Dan ir-Regolament jallinja mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li jibbilanċja l-profittabilità.
Mill-21 ta’ Novembru 2024, is-sottofondi kollha tal-Merill SICAV plc, jiġifieri l-Merill Total Return Income Fund, il-Merill High Income Fund, il-Merill Strategic Balanced Fund, u l-Merill Global Equity Income Fund ġew konvertiti għal fondi tal-Artikolu 8. L-assi mħaddma minn Merill SICAV plc issa qabżu l-livell ta’ €165 miljun.
Mill-perspettiva tal-investitur, li jkollok investiment f’fond tal-Artikolu 8 joffri benefiċċju doppju, peress li l-fond mhux biss ifittex li jiġġenera redditi finanzjarji, iżda jimpenja l-attivitajiet tiegħu wkoll favur is-sostenibbiltà. Is-sottofondi tal-Merill SICAV plc issa se joffru trasparenza addizzjonali, peress li dawn ir-regolamenti jeħtieġu dokumentazzjoni ċara dwar il-fokus ambjentali jew soċjali tagħhom u kif dawn l-objettivi se jintlaħqu, dan hekk kif aktar investituri qed jitolbu għall-akkontabbiltà.
L-impatt globali tal-fondi tal-Artikolu 8 jestendi ferm lil hinn mill-aspett finanzjarju. Dawn il-fondi jiffokaw fuq l-appoġġ li jagħtu lil kumpaniji u proġetti li jimpurtahom mill-ambjent, mill-ekwità, u mill-prattiki kummerċjali tajbin. Billi jagħmlu dan, huma jgħinu biex jindirizzaw problemi kbar bħat-tibdil fil-klima, ir-riżorsi limitati, u l-inugwaljanza. Huma jimbuttaw ukoll lin-negozji biex ikunu aktar favur l-ambjent u jittrattaw lin-nies b’mod aktar ġust.
Mark Azzopardi, iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Investiment tal-Merill SICAV plc u Direttur ta’ Jesmond Mizzi Financial Advisors, il-maniġer tal-fondi ta’ Merill SICAV plc qal li: “l-istabbiliment tal-fondi skont l-Artikolu 8, jimmarka impenn kbir mill-Merill Sub-Funds, peress li l-fondi se jkollhom l-għan li jibbilanċjaw it-tkabbir finanzjarju, il-promozzjoni tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll li jfittxu li jevitaw investimenti f’ċerti attivitajiet bil-potenzjal li jikkawżaw ħsara lis-saħħa u l-benessri tal-bniedem. Billi jagħżlu dawn il-fondi, l-investituri mhux biss ikunu qed jibnu l-futur finanzjarju tagħhom stess, iżda jkunu qed jgħinu wkoll biex joħolqu dinja aktar ekoloġika u ġusta għal kulħadd.”
//= $special ?>