Lokali

Niddefendu l-integrità: Repubblika tfakkar il-Jum Dinji Kontra l-Korruzzjoni

Fil-Jum Dinji Kontra l-Korruzzjoni, Repubblika tfakkar il-ħtieġa ta’ alleanza ċivika biex niddefendu l-integrità fil-ħajja pubblika.

Fi stqarrija Repubblika spjegat kif f’laqgħa llum tal-kumitat u uffiċjali ta’ Repubblika mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet li jiddefendu l-integrità, il-President tal-għaqda Vicki Ann Cremona rringrazjat lill-Ombudsman Joseph Zammit McKeon, lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi, għall-isforzi tagħhom biex tkun miġġielda l-korruzzjoni.

Cremona fakkret li l-ewwel prijorità identifikata minn Repubblika fl-istrateġija tagħha kontra l-korruzzjoni tibqa’ l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet siewja li saru mill-Inkjesta Pubblika wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u minn istituzzjonijiet internazzjonali f’dawn l-aħħar snin. “Ma jistax ikun li nibqgħu nagħmlu tabirruħna li m’għandniex sfida serja minħabba korruzzjoni endemika fl-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna,” qalet Vicki Ann Cremona. “Ma jistax ikun li r-riformi fil-liġijiet tagħna u fil-proċessi amministrattivi li huma tant meħtieġa jibqgħu jitħallew jiġmgħu t-trab.”

Biex niġġieldu l-korruzzjoni bis-serjetà rridu naġġornaw id-definizzjonijiet fil-liġi biex nikkastigaw lil min jabbuża mill-poter tiegħu biex japprofitta ruħu illegalment jew biex ifixkel il-kors tal-ġustizzja. Neħtieġu liġi li tarma lill-istat biex jiġġieled il-kriminalità organizzata li tuża l-korruzzjoni biex tisraqna lkoll. Neħtieġu regoli aġġornati dwar il-lobbying li jsir mal-ministri u d-deputati tal-parlament; regoli dwar imġiba etika għall-persuni ta’ fiduċja mqabbda mill-ministri; u regoli ċari dwar min jitlaq xogħol fil-politika biex l-għada jiġi impjegat mill-persuni u l-kumpaniji li suppost kien qed jgħasses fuqhom meta kien fil-gvern.

Cremona tenniet l-appell ta’ Repubblika għal liġi ġdida dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi biex inneħħu l-finanzjament moħbi li jkun ġej minn nies li fi ħsiebhom hemm li jikkorrompu s-sistema politika tagħna. Minflok, Repubblika targumenta għal finanzjament pubbliku tad-demokrazija tagħna li jkun ġust, proporzjonat, u bis-salvagwardji kollha meħtieġa.

Repubblika llum issieħbet mal-organizzazzjonijiet antimafja ta’ madwar l-Ewropa magħha msieħba fin-network CHANCE biex tfakkar il-Jum Dinji Kontra l-Korruzzjoni.

Fil-laqgħa tal-lum mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet li jiddefendu l-integrità sar skambju ta’ ħsibijiet dwar kif is-soċjetà ċivili tista’ tkun ta’ aktar appoġġ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi ssaħħaħ l-għassa li tagħmel fuq nies fil-ħajja pubblika, u kif tiddenunzja u taġixxi kontra l-korruzzjoni kull fejn tinstab.