Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Avukat Jason Azzopardi li aktar kmieni llum spiċċa ġie arrestat u mressaq quddiem il-Qorti fuq talba ta’ Robert Abela bil-kompliċità ta’ Jonathan Attard. Robert Abela ħa dan il-pass mill-aktar vendikattiv u perikoluż għaliex għadu maħruq li tilef il-kawża li l-Partit Nazzjonalista għamel dwar l-akbar frodi fl-istorja politika ta’ pajjiżna: dak ta’ Vitals u Steward.
Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela hija intiża biss biex tipprova tbeżża’ lil kull min hu dispost li jikxef informazzjoni dwaru u dwar l-abbużi kbar li qegħdin iwettaq hu u l-bqija tal-Ministri tiegħu. Din id-deċiżjoni mhux biss hija waħda sproporzjonata iżda wkoll tfixkel b’mod mill-aktar kodard lill-attivisti favur is-saltna tad-dritt fl-eżerċizzju tad-drittijiet kostituzzjonali tagħhom.
Karol Aquilina, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, qal fi stqarrija, li taħt Robert Abela huwa biss meta trid tittieħed azzjoni kontra xi ħadd li jikkritikah li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’pass mgħaġġel u fi żmien rekord. Robert Abela ma tgħallem xejn mill-arrest illegali u abbużiv li taħt ta’ qablu kien twettaq fil-konfront tal-ġurnalista Norman Vella, allegament għaliex ħa ritratt ta’ Kurt Farrugia u Ramona Attard f’post pubbliku fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Huwa skandaluż li Robert Abela qiegħed juża ċ-ċirkostanzi preżenti biex ibeżża’ lil kull min għandu informazzjoni dwaru biex ma jgħaddihiex lill-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħeġġeġ u jagħti appoġġ sħiħ lil kull ċittadin Malti u Għawdxi li huwa dispost jikxef l-abbużi li qegħdin iwettqu Robert Abela u l-Ministru tiegħu.


