Travis Francis Xuereb ta’ 30 sena minn Santa Venera ġie kkundannat sena ħabs wara li ammetta li ta fastidju persuna li taħdem bħala preżentatriċi ma’ stazzjon privat tar-radju. Huwa nstab ħati li ttraffika d-droga cannabis. Il-prosekuzzjoni spjegat lill Maġistrat Yana Micallef Stafrace li Xuereb inqabad bil-cannabis, li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Huwa nqabad fil-31 ta’ Lulju li għadda fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn. Huwa ammetta wkoll li nstab li bejn Frar tas-sena l-oħra u Awwissu li għadda, f’Ħal Balzan, iffastidja lil preżentatriċi Maltija u li għamel użu mhux xieraq t’apparat tal-komunikazzjoni, li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti u li rrenda ruħu reċidiv.
Mill-provi ħareġ li l-fastidju kellu x’jaqsam ma’ mġiba b’konnotazzjonijiet sesswali, inklużi kliem bil-fomm, mossi u, jew għemil, il-wiri jew iċċirkolazzjoni ta’ kliem miktuba, rittatti, u, jew xi materjal ieħor, fejn dak l-att, kliem, u jew imġiba mhumiex mixtieqa mill-vittma.
Dawn, qalet il-Qorti, jistgħu raġonevolement jiġu kkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradanti, u intimidatorji lejn il-preżentatriċi. Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Qorti poġġiet lil Xuereb taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jindirizza l-problemi psikjatriċi li għandu. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-vittmi, inkluż il-preżentatriċi.
Id-difiża f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Roberto Spiteri. L-Avukat Franco Debono deher għall-parte ċivile.
//= $special ?>