Lokali

AĠĠORNATA: Jinstab katavru ta’ raġel f’bagalja max-xatt ta’ Tas-Sliema – ħjiel li setgħet intużat xi arma

Bagalja li dehret f’wiċċ il-baħar qrib ix-xatt ta’ Tas-Sliema spiċċat inbidlet fi storja tal-waħx. Dan hekk kif irriżulta li fil-bagalja kien hemm fdalijiet umani.

Meta l-Pulizija waslu fil-post bdew ħidma biex itellgħu l-bagalja mill-baħar. Sorsi qed jindikaw ma’ Net News li l-investigaturi sabu persuna mejta li s’issa għadha mhix identifikata.

Aktar tard, stqarrija mid-Depot ikkonfermat din l-aħbar.

Is-sejba saret għall-ħabta tas-1:30pm.

Fil-post wasal tim tal-Forensika kif ukoll Pulizija li wettqu tfittxijiet estensivi permezz ta’ dinghy fl-inħawi ta’ Manoel Island. Mhux eskluż li l-investigaturi qed ifittxu xi arma li possibbilment intużat f’dan id-delitt.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.