Lokali

Żbilanċ fis-settur tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel

Sal-lum stess għadhom jidħlu ħafna inqas nisa milli rġiel fis-settur tat-teknoloġija. Fil-fatt 9% biss ta’ dawk li jiggradwaw b’PHD fit-teknoloġija huma nisa – li jfisser 9 minn kull mija.

Dan intqal waqt konferenza dwar in-nisa fl-era diġitali fejn preżenti kien hemm diversi esperti fis-settur tax-xogħol u l-edukazzjoni flimkien ma’ politiċi u influencers.

Vanessa Camilleri, li kienet parti mill-ewwel panel, saħqet dwar l-importanza li biex dan l-iżbilanċ jiġi indirizzat hemm bżonn ta’ regoli ġodda u edukazzjoni anke fl-iskejjel primarji. Dan sabiex it-tfal ikunu jafu li kemm il-bniet kif ukoll is-subien huma kapaċi jirnexxu f’impjiegi li huma relatati mat-teknoloġija.

Camilleri, li hija wkoll lettur l-Università ta’ Malta spjegat li l-impjiegi fl-ICT għandhom ikunu attraenti għan-nisa hekk kif ħafna xogħol jista’ jsir mid-dar. U għalhekk meta mara tinqabad tqila tista’ wkoll tkompli xi xogħol mid-dar.

Barra minn hekk, Vanessa Camilleri flimkien ma’ Marthese Vella u Abigail Aquilina li kienu fl-ewwel panel waqt din il-konferenza, fakkru fl-importanza li meta mara tirċievi xi forma ta’ fastidju online tirrapporta mill-ewwel.

Tkellmu wkoll fuq il-ħtieġa li min isofri fastidju jitkellem minnufih u mhux jittama li l-harresment se jieqaf waħdu hekk kif ħafna drabi din il-forma ta’ intimidazzjoni teskala – u mhux tonqos.

Barra min hekk, intqal ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tinvesti biex l-użu tal-AI b’xi mod jintgħaraf aktar.