Disgħa u tletin kunsill lokali u reġjonali waqqfu kunsilli tat-tfal fi ħdan l-istrutturi tagħhom, sena biss wara li l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society nediet il-proġett RIGHTS bil-għan li tħeġġeġ liż-żgħażagħ jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet fil-komunità.
Il-proġett RIGHTS – wieħed mill-10 proġetti li rnexxielu jikseb finanzjament dirett mill-UE minn 154 sottomissjoni Ewropea – f’Diċembru li għadda witta t-triq għal kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, immexxija mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, biex jinħolqu dawn il-kunsilli.
L-entużjażmu għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għen biex jingħelbu l-isfidi inizjali u sa April 2025, it-68 kunsill lokali u s-sitt kunsilli reġjonali kollha se jkollhom il-kunsilli tat-tfal tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-MFWS l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca qalet li t-taħriġ għall-parteċipazzjoni tat-tfal flimkien max-xogħol iffurmat mal-kunsilli, l-iskejjel u l-partijiet interessati rilevanti wasslu għal riżultati sodisfaċenti fejn it-tfal diġà bdew isawru l-proġetti tal-komunità tagħhom.
“Dawn il-kunsilli se jagħtu liż-żgħażagħ tagħna l-mezzi biex jippenetraw aktar fil-fond tal-komunità. Dan huwa biss il-bidu. Qed nagħtu s-setgħa lit-tfal biex isiru mexxejja tal-komunità tagħhom, u eventwalment, il-mexxejja futuri ta’ pajjiżna,” qalet.
L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, kienet qed tindirizza lil dawk il-kunsilli lokali u reġjonali kollha li waqqfu b’suċċess il-kunsilli tat-tfal.
Il-proġett RIGHTS, li s-sena l-oħra kiseb €200,000 f’fondi tal-UE, jimmarka l-qofol ta’ 10 snin ta’ ħidma, li jmorru lura għal meta twaqqaf għall-ewwel darba l-Kunsill tat-Tfal waqt il-presidenza tal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca biex jiżgura li t-tfal ikollhom leħen fil-politika li għandhom impatt fuq il-ħajja tagħhom.
Il-kunsilli tat-tfal iħaddnu wkoll il-prinċipji ewlenin tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jsostnu li t-tfal għandhom id-dritt jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod liberu u li l-adulti huma obbligati jisimgħu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kwistjonijiet kollha li jolqtuhom fi ħdan il-familja, l-iskola, il-komunitajiet lokali, is-servizzi pubbliċi, l-istituzzjonijiet, il-politika tal-gvern u l-proċedimenti ġudizzjarji.
Sal-lum, il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society qed timpenja ruħha flimkien ma’ 300 tifel u tifla f’36 lokalità, u rċeviet aktar minn 600 applikazzjoni minn żgħażagħ ħerqana li jieħdu sehem.
Il-Fondazzjoni ħarrġet ukoll 200 persuna – membri tal-kunsilli lokali flimkien ma’ ‘mentors’ – dwar is-salvagwardja u l-parteċipazzjoni tat-tfal.
//= $special ?>