Futbol Sport

Bjorn Vassallo l-mistieden speċjali ta’ Replay għal nhar il-Ħadd

Bjorn Vassallo

Nhar il-Ħadd li ġej, wara waqfa ta’ ġimgħa minħabba skeda speċjali fuq Net Television, se jkun qed jirritorna l-programm ta’ diskussjoni, Replay fid-9pm b’diversi temi ta’ interess fuq l-aġenda. Għaxart ijiem bl-eżatt qabel jum il-Milied, il-mistieden speċjali ta’ Christian Micallef, f’xandira diretta, se jkun il-President tal-MFA Bjorn Vassallo.

Din se tkun l-ewwel dehra fl-istudio ta’ Replay għal Vassallo f’din l-iskeda, f’edizzjoni speċjali li matulha se jkun qed isir skurtinju tal-ewwel disa’ xhur tat-tieni mandat mirbuħ minn Vassallo biex iservi fir-rwol ta’ President tal-MFA.

Fuq l-aġenda tad-diskussjoni, hemm diversi temi ta’ diskussjoni fosthom il-ħatra ta’ kowċ ġdid għat-tim nazzjonali Malti ‘A’, kif ukoll min mistenni jkun is-suċċessur tal-Avukat Angelo Chetcuti bħala Segretarju ġdid tal-Assoċjazzjoni.

M’hemmx dubju li fost temi oħra ta’ diskussjoni, se jkun hemm ir-relazzjoni preżenti li teżisti bejn l-ogħla uffiċjali tal-MFA u t-tmexxija tal-Malta Premier League.

ll-proġetti infrastrutturali li bħalissa għaddejjin ġmielhom f’Ta’Qali, l-ambizzjonijiet ta’ Vassallo nnifsu li jsir membru tal-Eżekuttiv tal-UEFA u aktar, huma aktar mit-temi li jimmerithom diskussjoni waqt Replay ta’ nhar il-Ħadd, fil-presenza tal-mistieden residenti tal-programm, Konrad Sultana.