Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s komplew bil-mument pożittiv tagħhom wara li kisbu s-sitt rebħa staġjonali. It-tim immexxi minn Gabriel Dobre għelbu lil Ħamrun SC Futsal NCMB 12-4 f’logħba li huma ddominaw.
It-tim minn St Andrew’s skorjaw permezz ta’ erba’ gowls ta’ Luke Gatt, tliet gowls ta’ Michael Borg, doppjetta ta’ Marwan Telisi u gowls oħrajn ta’ Andre Ciancio, Robert Stoyanov u Jefferson Breno. Ħamrun naqqsu għal erba’ darbiet il-marġni tal-iskor minn awtogowl ta’ Emil Raducu, doppjetta ta’ Justin Theuma u gowl ieħor ta’ Collin Sammut.
Referees kienu Clinton Cassar u Danilo Francalanza.
Rebħa kbira
Marsaskala Legends telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara rebħa kbira ta’ 10-3. Rebħa kbira fuq GZR Birżebbuġa.
L-Iskalin kellhom l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien 5-2. Fit-tieni taqsima, huma komplew jamministraw sabiex eventwalment ħadu t-tliet punti prezzjużi.
Dale Valletta u Ryan Pisani skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Jovica Milijic, Cristian Fernandez, Amir Ashtiyani, Nathan Sammut Mock, Josef Balzan u Hugo Vinicius niżżlu isimhom fost l-iskorer għall-Iskalin.Armando Gjepali skorja doppjetta għal GZR Birżebbuġa bi Cristian Alarcon iżid ieħor.
Referees kienu Stephen Vella u Marco La Rosa.
Dwell bilanċjat
L-Università ta’ Malta rebħu dwell ferm bilanċjat li kellhom kontra Swieqi United LEC 07 bl-iskor finali jkun dak ta’ 6-5. Il-logħba laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel taqsima meta ġew skorjati disa’ gowls bl-Universitarji li kienu minn fuq.
Il-plejer kowċ tagħhom Zvezdan Vukovic skorja tripletta b’Mohamed Elamari awtur ta’ doppjetta. Luke Anthony Borg żied ieħor għar-rebbieħa.Marcelo Alarcon skorja doppjetta għal Swieqi b’Karl Luke Schembri, Guillherme Fonseca u Claudio Venuto li jiskorjaw il-gowls l-oħrajn għat-tim tagħhom.
Referees kienu Stephen Vella u Danilo Francalanza.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE
Luxol St Andrew’s 18; Ta’ Xbiex 15; Marsaskala Legends 13; Swieqi United 10; University of Malta 12; Ħamrun SC NCMB 9; Selezzjoni Maltija U19 – 6; Gżr Birżebbuġa St Peter’s Futsal 3; Selezzjoni Maltija U17 – 0.
//= $special ?>