Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista bla pjan fis-settur tas-saħħa


Adrian Delia, PN


Ix-Shadow Ministeru għas-Saħħa Adrian Delia qal fil-Parament li l-Gvern Laburista jinsab bla pjan fis-settur tas-saħħa.

Adrian Delia qal li s-sistema tad-donazzjoni tad-demm f’pajjiżna mxiet fuq is-sistema Britannika u kompla li m’għandhiex tiddaħħal sistema li d-donazzjoni tad-demm tkun marbuta ma’ ħlas.

Jeħtieġ ikun hemm iktar ippjanar fis-sistema tas-saħħa, sostna Adrian Delia, li tkellem dwar is-CBSU fejn inbidlu erba’ CEOs fi żmien ftit xhur. Dan id-dipartiment improtanti dwar ix-xiri mill-gvern għadda minn taqlib kbir wara li l-ewwel tneħħa persuna li kien ilu hemm snin biex floku tġoġġa persuna li għamel biss ftit ġranet u tpoġġa hemm persuna oħra; finalment issa hemm persuna oħra minn barra s-settur tas-saħħa.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-procurement mhux isir kif suppost għaliex il-prassi ta’ kif suppost isiru l-affarijiet mhux ikunu osservati. Dan jista’ jwassal biex ma jkunx hemm provvisti biżżejjed ta’ servizzi u prodotti għall-pazjenti. Dan qed iwassal ukoll biex qed jingħataw id-direct orders. Il-Gvern għandu jispjega kemm qed jiġi jiswa x-xiri li qed jagħmel il-gvern wara li nħolqot din is-sitwazzjoni fi żmien ftit xhur.

Hu tkellem dwar il-kura primarja u qal li l-gvern kien wiegħed li l-Paola Hub se jiftaħ fis-sena 2021. Il-binja tinsab hemm u fiha nteqfu €40 miljun; iżda fiha ħadd għadu ma daħal minkejja li din hi lesta. L-ewwel minħabba d-dewmien biex tlestiet u wara għax hemm problemi legalistiċi iżda l-pazjent baqa’ ma jinqediex.

Adrian Delia qal li issa tpoġġa mobile unit biex minnu jingħataw is-servizzi tal-MRI, li hu ċertifikat tal-falliment tal-gvern f’dan is-settur. Il-piż qed jiżdied fuq Mater Dei anki għaliex il-Paola Hub għadha ma nfetħix. Hu qal li issa l-gvern mhux se jiftaħ iċ-Ċentru tat-Tramunata wara li kien iddikjara li dan il-proġett se jsir.

Mater Dei jinsab taħt pressjoni kbira minħabba l-kobor tal-popolazzjoni iżda flok jiżdiedu ċ-ċentri ta’ kura primarja, il-gvern mhux se jsaħħaħ l-investiment tiegħu. Il-PN jaqbel li dan iċ-Ċentru jsir u jikkommetti li dan isir.

Adrian Delia kompla li anki f’Vitals u Steward sar suppost investiment ta’ €400 miljun iżda l-proġetti ma sarux. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-isptar il-ġdid ta’ Għawdex issa se jsir fi żmien seba’ snin meta dan suppost ilu lest minn Steward.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qed jgħid li ma jistax jinfetaħ iċ-ċentru mediku tat-tramunata minħabba li m’hemmx professjonisti biżżejjed. Hu sostna li fis-saħħa l-gvern preżenti m’għandux viżjoni futura u fakkar kif fl-2013 il-Gvern Laburista kien ħabbar li se jsir investiment ta’ €1,000 miljun għal sptar ta’ eċċellenza iżda kien hemm l-iskandlu tal-isptarijiet.

Adrian Delia qal li s-serqa tal-isptarijiet twaqqfet meta diġà kienu ngħataw €400 miljun u staqsa fejn jinsabu l-kumplament tal-miljuni li l-gvern kien suppost se jinvesti kieku baqgħu Steward. Għaliex il-gvern qed jgħid li m’għandux investiment għall-isptarijiet; sempliċiment għaliex telqu Steward?

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm 1,900 anzjan fil-lista ta’ stennija u hu magħruf li l-anzjani qed jgħixu iktar iżda ma jidhirx li hemm pjani mill-gvern dwar fejn dawn se jinżammu. Hu qal li l-problema tal-popolazzjoni se tkompli tikber għaliex il-gvern se jimporta 22,000 persuna kull sena flok l-10,000 ta’ snin ilu.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa fejn se jkunu kkurati dawn il-persuni bil-problemi kollha li se jinħolqu u jġibu magħhom.