Wara lejl ta’ ħidma ma taqta’ xejn min-naħa tal-investigaturi, il-Pulizija fl-aħħar sigħat kompliet għaddejja bit-tfittxijiet kemm għall-arma li possibbilment intużat f’dan id-delitt, kif ukoll għall-persuni li huma implikati f’dan il-każ makabru. Sorsi ta’ Net News ikkonfermaw li r-raġel għandu ftit aktar minn 40 sena.
Il-katavru li nstab f’bagalja ma kienx fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Il-Pulizija sabu biss il-parti ta’ fuq tal-katavru kif ukoll ras ir-raġel, li jidher li hu barrani.
L-awtopsja li saret f’dawn is-sigħat għandha tkun determinanti biex tagħti stampa ċara dwar id-dinamika ta’ dan il-każ makabru. Fil-fatt, l-esperti qed jgħidu li mit-testijiet tal-awtopsja rriżulta li l-istonku tal-vittma kien mimli droga.
Is-sejba tal-bagalja seħħet it-Tnejn għall-ħabta tas-1:30pm meta l-Pulizija waslitilha informazzjoni li kien hemm oġġett suspettuż fil-baħar ’il barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema – qrib The Strand fil-Gżira.
Dwar dan il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali.
Intant fl-aħħar sigħat il-midja tal-Partit Laburista ppubblikat ritratt ta’ raġel li qalet li seta’ kien hu li wettaq dan id-delitt. Iżda għal xi raġuni r-ritratti tneħħa wara ftit minuti.
//= $special ?>