Lokali Parlament

Il-Ministru tas-Saħħa ma jafx li flok id-Dar għall-Anzjani fl-Imsida sar parkeġġ


Il-Ministru tas-Saħħa Jo Etinne Abela sostna fil-Parlament li ma jafx li flok id-Dar għall-Anzjani li kien hemm fl-Imsida, sar parkeġġ bħala parti mill-proġett ta’ Infrastructure Malta fl-Imsida imma l-proċess tal- evalwazzjoni tal-offerti se jibqa’ għaddej.

Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni mill-Ministru tas-Saħħa rriżulta fis-seduta parlamentari tal-lum wara li d-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici staqsiet x’se jsir mid-Dar għall-Anzjani tal-Imsida, għaliex ma kien hemm l-ebda riferenza għal din id-Dar fl-aħħar budget u jekk il-Ministru tas-Saħħa jafx li Infrastructure Malta qed tippjana li tagħmel parkeġġ flok din id-Dar.

Il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela ma tax dettalji dwar il-futur ta’ din id-Dar iżda ammetta li ma kienx informat fil-pożizzjoni ta’ Infrastructure Malta dwar iz-zona fejn kien hemm id-Dar għall-Anzjani fl-Imsida.
Fl-2022 il-Gvern Laburista kien ħabbar li d-Dar tal-Anzjani fl-Imsida kienet se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid fl-istess post fejn kienet mibnija minn Gvern Nazzjonalista.

Il-Gvern Laburista kien ħabbar li din id-dar se takkomoda 114-il sodda b’parkeġġ ta’ 40 karozza. Dakinhar il-gvern kien qal li din id-Dar kellha titlesta fi żmien tliet snin u kien anki ppreżenta disinji dwar dan il-proġett.

F’April li għadda, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li kienet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għall-bini ta’ din id-Dar b’investiment ta’ €13.5 miljun. Il-gvern kien qal li d-Dar tal-Anzjani fl-Imsida se tinbena mill-ġdid fl-istess post fejn kienet mibnija oriġinarjament.